:. About Me

EN | MT

Dr Michael Briguglio huwa soċjologu, politiku u attivist minn Malta. Huwa kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019.

Michael għandu dottorat fis-soċjoloġija u huwa Senior lecturer l-Università ta' Malta. L-interessi ewlenin ta' riċerka tiegħu huma l-politika, il-movimenti soċjali, l-ambjent, il-kultura, u l-politika soċjali, u ppubblika bosta kitbiet xjentifiċi dwar dawn is-suġġetti. Kien ukoll wieħed mill-edituri tal-ktieb Sociology of the Maltese Islands. Huwa kien wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni Soċjoloġika Maltija u hu membru tal-Assoċjazzjoni Soċjoloġika Ewropea.

Michael ilu involut fis-soċjetà ċivili u l-politika mid-disgħinijiet. Beda l-attiviżmu tiegħu fl-1994 mal-Moviment Graffitti. Fl-1997 kien strumentali fil-bidla fil-leġiżlazzjoni li fissret li l-bejgħ tal-art pubblika issa beda jeħtieġ approvazzjoni mill-parlament. Din il-bidla nkisbet wara protesti u strajk tal-ġuħ ta' sitt ijiem kontra l-proġett ta' Portomaso, li kien jinvolvi l-bejgħ ta' art pubblika bl-irħis. Dik is-sena Michael ħa sehem ukoll fil-kampanja favur l-istipendji, li rnexxiet. Fl-1999 kien ko-fundatur tal-Front Kontra l-Golf Course, li eventwalment irnexxielu jwaqqaf żvilupp ta' korsa tal-golf daqs Tas-Sliema fuq art agrikola fir-Rabat. Fl-2003 Nature Trust taw lil Michael il-premju għal Personalità Eċċezzjonali fil-Qasam tal-Ambjent.

Michael kien attiv ukoll fil-kampanja għas-sħubija fl-UE u kien wieħed minn dawk li bdew il-kampanja Iva għad-Divorzju, li wkoll irnexxiet. Kien ukoll l-ewwel politiku f'Malta li pubblikament appoġġa ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.

Fl-2015, flimkien ma' oħrajn waqqaf il-Front Ħarsien ODZ, u bħala parti minn dan il-moviment organizza l-protesta Insalvaw iż-Żonqor, li kienet l-ikbar protesta ambjentali li qatt saret f'Malta, fejn 4,000 ruħ ipprotestaw kontra l-iżvilupp ta' università privata fiż-Żonqor. Kien ukoll wieħed mill-fundaturi tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, u bħala parti minn dan in-netwerk organizza għadd ta' protesti għall-ġustizzja u kontra l-korruzzjoni, fosthom l-ikbar protesta tas-soċjetà ċivili li qatt saret f'Malta, meta 15,000 ruħ talbu ġustizzja wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Michael kien attiv fl-Alternattiva Demokratika bejn l-1998 u l-2017. L-ewwel darba li kkontesta f'elezzjonijiet kien ma' dan il-partit fl-2003. F'dawk l-elezzjonijiet ġie elett fill-kunsill lokali ta' beltu, Tas-Sliema. Reġa' ġie elett fl-2006, l-2012 u l-2013. Mexxa lill-partit bejn l-2009 u l-2013. Fl-2013 Michael kiseb l-ogħla numru ta' voti tal-ewwel preferenza li qatt kiseb kandidat tal-AD f'elezzjoni ġenerali (741 fl-għaxar distrett) u f'elezzjoni tal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema (727, jiġifieri 8.2 fil-mija tal-votanti). Ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-koalizzjoni għall-governanza tajba qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Bħalissa hu kunsillier tal-PN fil-kunsill lokali ta' Tas-Sliema.

Michael huwa wkoll drummer u waqqaf il-band Norm Rejection fl-1994, li magħhom kien jikteb ukoll il-lirika. Huma ħarġu tliet albums u żewġ EPs. Kien ukoll parti minn Dripht u Filletti and Friends. Regolarment jikteb artikli fit-Times of Malta u Il-Mument u blog għall-Malta Today. Jippreżenta programm dwar l-aħbarijiet kull ġimgħa fuq Net FM, u jikteb u jippreżenta vlog dwar ġrajjiet kurrenti għal The Malta Independent.


About Me

|

Photos

|

Writings

|

Links

|

Contact

  >  Articles

|

Theses

|

Publications

|

Music


Designed by Daniela Agius