Thursday, February 20, 2014

Ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Michael Briguglio
l-orizzont 20 ta' Frar 2014
http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1=%27Opinjoni%27&ID2=116870



Żminijietna - Leħen ix-Xellug tawgura lill-Gvern li qiegħed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-‘green paper’ għal struttura għal tnaqqis fil-faqar u għal inklużjoni soċjali. Huwa pożittiv li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi li hemm dimensjonijiet varji tal-faqar u esklużjoni soċjali u li dawn jeħtieġu politika olistika għal problema li qiegħda tikber. Huwa pożittiv ukoll li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi li l-Istat għandu responsabilità li permezz ta’ politika soċjali jista’ jikkumbatti dawn l-isfidi, u li se jidħlu bosta miżuri f’dan ir-rigward, kif ġew imħabbra fil-baġit 2014.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug temmen li Malta għandha tħares lejn mudell soċjali li hu mibni fuq ‘welfare state’, universalità li jagħti l-importanza xierqa lil sfidi partikolari u lid-diversitajiet li jeżistu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali. Żminijietna temmen ukoll li diskors dwar l-inguwaljanza ma jistax iħalli barra fatturi relatati ma’ klassi soċjali u lanqas ma jista’ jirraġuna li m’hemmx alternattivi għall-politika neo-liberali u kunċetti bħal privatizzazzjoni. Żminijietna – Leħen ix-Xellug qiegħda tagħmel dawn il-proposti għal struttura għal tnaqqis fil-faqar u għal inklużjoni soċjali f’Malta.

1. Żieda fil-paga minima u riforma fil-COLA biex tirrifletti l-għoli tal-ħajja
Din għandha tkopri lill-ħaddiema kollha, ‘full-time’, ‘part-time’ u kuntrattwali, u tista’ twassal għal livell ta’ għejxien aħjar għal ħaddiema b’paga baxxa, parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol peress li x-xogħol ikun iktar irendi u iktar produttiv.

2. Liġi kontra x-xogħol prekarju

Għandu jkun hemm definizzjoni ċara ta’ xogħol prekarju biex b’hekk tidħol fis-seħħ leġislazzjoni kontra dan it-tip ta’ xogħol u favur xogħol diċenti.

3. “Active policy measures” fi sfond ta’ ‘welfare’ universali
Filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm skemi ta’ taħriġ, ‘tapering’ ta’ benefiċċji soċjali sabiex jinkoraġixxu lil persuni biex isibu mpjieg mingħajr ma jieħdu skoss permezz ta’ telf ta’ benefiċċji soċjali, dan m’għandux iwassal għal ‘welfare’ kundizzjonali u tnaqqis ta’ ‘welfare’ universali. Dan tal-aħħar għandu jitqies bħala kumpens għal inugwaljanzi u diffikultajiet li ġġib magħha sistema kapitalista, u bħala dħul xieraq li jiżgura li ma jkunx hemm nies fil-faqar.

4. Ġlieda kontra l-faqar relatat mal-konsum tal-enerġija u favur il-‘green jobs’
L-istat għandu jiżgura mhux biss li l-kontijiet tad-dawl, ilma u gass ikunu affordabbli, iżda wkoll li jiżdied l-aċċess għall-enerġija nadifa u rinnovabbli b’għajnuna tal-istat u ppjanar li jżid l-aċċess f’binjiet. Sfidi ambjentali u ta’ enerġija għandhom jitqiesu bħala opportunità ta’ ħolqien ta’ ‘green jobs’ u sostenibilità. L-istat għandu jkollu rwol ewlieni fil-produzzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija.

5. Politika inklussiva dwar diżabilità
Għandu jkun hemm politika li tirrikonixxi d-diversità ta’ diżabilitajiet, biex b’hekk tinkoraġixxi ‘independent living’, impjieg u/jew ħarsien soċjali skond il-persuna, sabiex kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja tajba garantita. Il-kunsilli lokali għandhom jiġu obbligati li jimpjegaw persuni b’diżabilità fost il-ħaddiema tagħhom.

6. Pensjoni diċenti
Malta għandha tersaq lejn pensjoni universali għal kull pensjonant sabiex jonqsu l-inugwaljanzi ta’ klassi soċjali u l-faqar. L-istat m’għandux jabdika mir-responsabilità li jipprovdi din it-tip ta’ pensjoni. Ħaddiema anzjani m’għandhomx jiġu meqjusa bħala piż fuq l-ekonomija u jiġu ddiskriminati, iżda għandhom jitħallew jaħdmu jekk huma jixtiequ jagħmlu dan, u jibqgħu jżommu l-pensjoni.

7. Ugwaljanza fost it-tfal
Għandha tissaħħaħ l-edukazzjoni komprensiva, li filwaqt li tirrikonoxxi li tfal jista’ jkollhom ħiliet u nteressi differenti, m’għandhomx jiġu segregati b’mod klassist. Għandu jiġi żgurat ukoll li t-tfal kollha jkollhom id-dritt ta’ aċċess universali għal attivitajiet kulturali, mużikali, sportivi u edukattivi offruti mill-istat.

8. Taxxi progressivi
Il-Gvern għandu jerġà jintroduċi taxxa fuq id-dħul ta’ 35% għal min għandu paga għolja. Din ir-rata hija waħda mill-iktar baxxi fl-Ewropa u ma ixxekkilx l-investiment jew l-inizjattiva. Id-dħul iġġenerat għandu jintuża biex jiffinanzjaw in-nefqa pubblika tal-Gvern, li b’hekk tkun fuq sisien sostenibbli, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ nefqa rikorrenti.

9. Paga massima fis-settur pubbliku
Il-Gvern m’għandux iżid l-inguwaljanzi fis-settur pubbliku billi jagħti pagi astronomiċi fejn hemm min saħansitra qed ikollu iktar minn żewġ pagi ‘full-time’ ta’ xogħol u konsulenzi li jagħmel fis-settur pubbliku.

10. Integrazzjoni u ġustizzja soċjali fl-immigrazzjoni
Għandu jkun hemm iktar inforzar tal-liġi kontra min qiegħed jisfrutta lill-immigranti irregolari għal xogħol, u għandu jkun hemm politika iktar soċjalment ġusta fuq livell nazzjonali u Ewropew, favur integrazzjoni u kontra d-detenzjoni u ‘pushbacks’.

11. Ħidma ikbar mas-soċjetà ċivili
Għandu jkun hemm iktar konsultazzjoni ma’ għaqdiet non-governattivi, riċerkaturi u esperti f’oqsma varji tas-soċjetà ċivili. Fost oħrajn, għandu jiġi żgurat li jkun hemm iktar konsultazzjoni fost riċerka li ssir fl-Università ta’ Malta.

12. Ġustizzja soċjali u mhux diskors neoliberali u tal-‘underclass’
L-istat għandu jaħdem għal mudell soċjali ibbażat fuq ġustizzja soċjali, ugwaljanza, aċċessibilità u inklużjoni. Għalhekk diskors uffiċjali li jħares lejn persuni foqra bħala każijiet ta’ individwi li jġibu ruħhom ħażin u li huma ħatja tal-faqar tagħhom għandu jiġi evitat. Għandu jiġi evitat kull diskors uffiċjali li jsostni li m’hemmx alternattivi sostenibbli għall-privatizzazzjoni.

13. Diskussjoni strutturata dwar l-introduzzjoni ta’ dħul minimu garantit għal kulħadd
Dan sabiex ħadd ma jgħix fil-faqar filwaqt li ma tinqatax l-inizjattiva għal min irid jidħol fis-suq tax-xogħol. Is-sistema tal-‘welfare’ tkun issimplifikata u l-ispejjeż soċjali relatati ma’ faqar jingħelbu.

14. Investiment ikbar fis-saħħa priventiva u politika kontra inugwaljanza ta’ klassi fis-settur tas-saħħa
Il-Gvern m’għandux jippermetti li min għandu aċċess għal ‘insurances’ u konsulenti privati jingħata preferenza għal aċċess fis-settur pubbliku tas-saħħa.

15. ‘One-stop shop’ għal persuni fi kriżi imminenti

Il-Gvern għandu jiffaċilità l-aċċess għal għajnuna soċjali lil min għandu emerġenza ta’ faqar u/jew esklużjoni soċjali bħal persuni li jinsabu bla saqaf, eks-ħabsin, immigranti rregolari u persuni li jesperjenzaw faqar għall-ewwel darba minħabba emerġenza bħal mard serju.