Sunday, June 03, 2018

Il-mod kif nikkomunikaw – Michael Briguglio




Illum saret xi haġa komuni li f’dibattiti politiċi fl-isfera pubblika jintuża kliem aggressiv kontra l-avversarju politiku mingħajr ma wieħed jagħti wisq importanza għall-kwalita’ tad-diskors li jkun qed juża.



Per eżempju, hemm numru ta’ trolls fuq il-meżżi tal-media soċjali li qed jiġu mmobiliżżati kontra kritiċi tal-gvern. Kemm il-darba jużaw lingwa li toffendi biex jivvilifikaw lill-messaġġier minflok il-messaġġ. Filwaqt li dan jista’ jwassal biex uħud jahsbuha darbtejn qabel ma jikkritikaw lill-gvern, ma nahsibx li it-trolling qed jagħmel wisq ġid lill-Partit Laburista.



Fl-istess ħin, nemmen li attivisti politiċi u tas-soċjeta’ ċivili li ma jużawx dawn il-metodi offensivi għandhom jivverifikaw jekk u kif il-messaġġ tagħhom stess għandux effett sinjifikanti.



Kultant naħseb li hemm min hu wisq impenjat li jiġġustifika il-kawża tiegħu biex ikollu ħin għall-awto riflessjoni. L-effett limitat tal-kawża ġusta kontra l-korruzzjoni jistgħu ikunu xiehda ta’ dan.



Li jkollok rappurtaġġ fuq il-media huwa tajjeb, iżda dan mhux neċċessarjament jinfluenza il-bidla soċjali. L-istess jingħad għall-preżenza fuq il-media soċjali. Is-shares, retweets, likes u għodda simili jistgħu jagħtu sodisfazzjoni, iżda ta’ min inżommu f’moħħna li l-media soċjali tuża algoritmi li jiffukaw dak li jinkiteb lejn qarrejja li jkollhom fehmiet simili. Jista’ jkun li l-udjenzi tagħna fuq il-facebook huma iktar ristretti milli naħsbu.



L-istess jgħodd ghall-karatteristiċi demografiċi ta’ min (bħali) jattendi protesti kontra l-korruzzjoni. Din il-kostitwenza hija sinjifikanti, iżda m’hijiex rapprezentattiva tas-soċjeta’ Maltija kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti protagonisti qatt ma jikkomunikaw bil-Malti tiżolohom minn ċerti udjenzi.



Nemmen ukoll li profeziji katastrofiċi li jassumu li Malta ser tikkollassa fil-futur qrib ma tantx qed jgħinu fil-kawża kontra l-korruzzjoni. Tajjeb li nagħmlu mistoqsijiet iebsa, analitiċi u fattwali dwar il-mudell ekonomiku tal-gvern, iżda kummenti eżaġerati li ma jirrelatawx mal-ħajja tan-nies jistgħu jagħmlu pjaċir lill-gvern anke jekk l-intenzjoni tkun waħda opposta.



Lanqas ma naqbel ma’ min jgħajjar lil kull minn ivvota lill-Partit Laburista jew lil min ma jattendix għall-protesti kontra l-korruzjoni bħala stupidu, egoist jew partiġġjan. Ibda biex, numru mdaqqas minn dawn il-persuni ivvutaw ghall-PN f’elezzjonijiet preċedenti u ma kienux ikkunsidrati bħala defiċjenti dak iż-żmien.



Barra minn hekk, votanti differenti jista’ jkollhom motivazzjonijiet differenti, u mhux bilfors ikollhom x’jaqsmu mal-korruzzjoni. Huwa veru li l-PL irnexxielu jisseduċi numru mdaqqas ta’ votanti għall-korruzzjoni, iżda niżbaljaw jekk naħsbu li dan hu l-uniku fattur li rebbaħ lil Joseph Muscat.


Għalhekk nemmen li fit-triq tiegħu biex ikun gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista għandu jifforma koalizzjoni nazzjonali magħmula mill-votanti tradizzjonali tiegħu, il-kostitwenza favur il-governanza tajba kif ukoll votanti li huma iktar flessibbli. In-numri hadd ma jista’ jmerihom.



Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li d-diskors politiku ikun inklussiv u mhux patronizzanti, u li jiffoka fuq suġġetti ta’ jgħixu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum u li huma koerenti mat-twemmin bażiku tal-Partit Nazzjonalista bħad-dinjita’, is-solidarjeta’ u s-sussidjarjeta’.



Nappella lil dawk kollha ta’ rieda tajba, hu x’inhu il-kulur politiku tagħhom, sabiex ma jinżlux fil-livell ta’ l-esaġerazzjonijiet, fake news, u insulti personali. Huwa importanti li nkunu leali lejn il-verita’, iżda huwa ugwalment importanti li nikkomunikaw b’mod effettiv.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 3 ta' Ġunju 2018