Huwa ċar daqs il-kristall li l-ARMS qed tuża metodu
illegali fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li għandha trodd flus lura lill-eluf
ta’ konsumaturi. Il-kontijiet mhux qed jiġu kkalkulati skond il-liġi, għax din tgħid
li t-tariffa tal-konsum għandha tiġi ibbażata fuq konsum kumulattiv kull sena.
Kull xaharejn, l-ARMS qed tisraq lill-konsumaturi b’dan
il-mod:
Il-kont qed jiġi maqsum f’perjodi iqsar, u l-konsumatur
malajr jibda jkollu jħallas b’rata iktar għolja minn dik imwiegħda ta’ 10ċ5. Permezz ta’ kontijiet attwali ta’ kull xaharejn, il-kwota annwali ta’
2,000 unit b’10ċ5 u 4,000 unit b’12ċ9 qed
jiġu maqsuma f’kwoti iżgħar.
Anke jekk il-konsumatur jibqa’ fil-kwota annwali, xorta hemm
ċans tajjeb li jkollu jħallas iktar: Hemm konsumaturi li qed iħallsu rati sitt
darbiet għola – ta’ iktar minn 60ċ għal kull kwh.
Ħafna familji qed jitilfu ukoll l-eko-riduzzjoni. Familja
ta’ hamsa u resident waħdu it-tnejn għandhom l-istess 2,000 unit b’10ċ5.
Iżda familija ta’ ħamsa kienu jibbenefikaw minn skont
jekk jibqgħu taħt il-kwota annwali. Bis-sistema ta’ kont attwali kull xaharejn,
din ukoll qed tintilef f’ċertu każijiet. Permezz ta’ dawn il-kontijiet l-ARMS
qed tibbenefika minn cash flow kull
xaharejn minn fuq dahar il-konsumatur.
L-ARMS qed takkumula ukoll rati ta’ interessi għal min ma
jistax iħallas u l-istess nies qed jiġu mhedda li jitneħħielhom is-servizz jekk
ma jħallsux. Barra min hekk iridu jħallsu biex jerġa jinghatalhom is-servizz.
Dan żgur mhux l-aqwa żmien għal konsumaturi li għandhom dħul baxx.
Problema oħra hi li bosta persuni li jgħixu f’propjeta’
mikrija qed iħallsu rati domestiċi u mhux residenzjali, u għalhekk ma
jibbenefikawx mill-eko riduzzjoni u jħallsu rati għola.
L-iktar gruppi li qed jintlaqtu hażin mill-metodu ta’ l-ARMS
huma familji kbar, pensjonanti u residenti barranin: imbasta l-gvern jgħid li
hu favur il-familja u li jrid jattira barranin biex jgħixu f’Malta.
Hemm ukoll taħwid kbir fis-sistema ta’ l-enerġija
mill-pannelli foto-voltajiċi. Imbasta l-gvern jitkellem favur enerġija nadifa.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li r-Regulatur tas-Servizzi
l-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u l-Konsumatur jieħdu
azzjoni kontra dan l-abbuż minn monopolju. Jekk dan ma jseħħx, il-Partit ser
jieħu azzjoni legali sabiex issir ġustizzja. Barra min hekk, meta jkun fil-Gvern,
il-Partit Nazzjonalista ser jagħti refużjoni lil min ġie misruq.
Ta’ min ifakkar li l-Eurostat dan l-aħħar ikkonfermat li Malta
kellha t-tielet l-għola żieda fil-prezz ta’ l-elettriku fl-Unjoni Ewropea fis-snin
2016 u 2017, meta l-prezz ta’ enerġija kien stabbli.
Ta’ min ifakkar ukoll li minflok kontijiet irħas b’25
fil-mija, bħal ma wiegħed Konrad Mizzi, pajjiżna qed jissusidja b’40 miljun dollaru
fis-sena lill-kumpanija statali ta’ l-enerġija ta’ l-Ażerbajġan.
Il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma turi li permezz
ta rieda tajba u determinazzjoni, l-oppożizzjoni Nazzjonalista hija vuċi pożittiva
u b’saħħitha.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 17 ta' Ġunju 2018