Sunday, June 24, 2018

Ninvestu fil-persuna tul il-ħajja - Michael Briguglio



Paradoss ta’ żminijietna hu li qed ngħixu hajja itwal, iżda fl-isfera pubblika qisna ma nagħtux wisq importanza lilll-kwistjonijiet li jittrattaw l-anzjanita’. F’artikli preċedenti ktibt dwar sfidi relatati mal-pensjonijiet. Illum ser niffoka fuq politika soċjali ghal tul il-ħajja.



Importanti li nittrattaw l-eta’ bħala proċess li nesperjenzaw tul ħajjitna. Preżentament hemm it-tendenza li nassoċjaw l-anzjanita’ biss ma’ spiża pubblika akbar, ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa, mad-dipendenza fuq persuni oħra u mat-tmiem tal-ħajja. Iżda f’soċjeta’ li qed issir iktar individwaliżżata huwa importanti ukoll li nqisu kull persuna skond il-merti tagħha: Per eżempju billi nivvaloriżżaw l-esperjenza, l-għerf, il-kontribuzzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull persuna anzjana.



Sikwit niltaqa’ ma’ persuni anzjani li huma lesti jikkontribuwixxu lis-soċjeta per eżempju permess ta’ xogħol volontarju. Iżda s-soċjeta qiegħda tismagħhom? Kultant iva, iżda ġieli nissuspetta li bosta anzjani m’humiex rispettati biżżejjed.



Il-politika soċjali jista’ jkollha rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Neħtiegu politika li ssaħħaħ lill-persuna tul il-ħajja, u mhux li tagħmlu dipendenti fuq labirinti burokratiċi u impersonali. Importanti li kull wieħed u waħda minna inkunu kapaċi niffaċċjaw l-opportunitajiet, sfidi u riskji fil-ħajja ta’ kuljum.



Nemmen ukoll li minflok ma tiffoka biss fuq l-anzjanita’ bħala fatt statiku, il-politika soċjali għandha tiffoka fuq l-anjzanita’ bħala proċess li hi parti mill-proċess tal-ħajja. Il-bżonnijiet ta’ l-anzjani għandhom jingħataw priorita’, izda importanti ukoll li niżguraw li l-anzjani ta’ għada ikunu protagonisti fis-soċjeta’.



Il-politika tkun ibbażata fuq evidenza minn dixxiplini varji u li l-anzjanita’ tkun ikkunsidrata minn kull Ministeru fil-gvern. Tajjeb li l-politika tiffoka fuq sferi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jinkludu suġġetti bhall-ispazji miftuħa, l-ikel, il-housing, ix-xogħol, it-trasport, l-aċċessibilita’, il-kwalita’ ta’ l-arja, il-komunita’, is-saħħa u l-attivita fiżika.



Il-politika għandha tivvaloriżża l-anzjanita attiva u tinvesti fiha mis-snin ta’ qabel. Għandha tara li l-persuna kemm jista’ jkun jipprevjeni kundizzjonijiet kroniċi u inugwaljanzi u għandha tindirizza fażijiet differenti tul il-ħajja u l-ħtiġijiet ta’ persuni u gruppi żvantaġġjati.



Gvernijiet differenti f’Malta investew f’oqsma bħall-Universita’ tat-Tielet Eta’ u t-tagħlim tul il-ħajja. Iżda jeħtieġ li Malta tinvesti iktar f’dan il-qasam – per eżempju billi tiżgura li l-eżerċizzju fiżiku u l-isports jiġu meqjusa bħala bżonn għal kulhadd u mhux bħala lussu jew kapriċċ.



Importanti li persuni u gruppi żvantaġġjati ikollhom aċċess għall-attivitajiet ekstra-kurrikulari u daqstant importanti li nżidu l-kuxjenza dwar sfidi bħas-saħħa mentali, is-solitudni, il-konsum sostenibbli u l-ikel nutrienti. Jeħtieġ ukoll li l-mudell ta żvilupp ta’ Malta ma jibqax jisraqna minn spazji miftuħa, arja nadifa u ambjent b’saħħtu.



Bosta inizjattivi għal politika tul il-ħajja ma jiswewx flejjes kbar, iżda jeħtieġu bidla favur politika li tħares fit-tul. Tajjeb ukoll li l-politika tkun riċerkata, serja u flessibli, biex b’hekk iżżeweġġ il-viżjoni politika mal-konsultazzjoni pubblika.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 24 ta' Ġunju 2018.