Ilni nsegwi
l-pjan ta’ żvilupp ta’ Manoel Island minn tmiem id-disgħinijiet, meta ġew
ippreżentati l-proposti oriġinali tal-MIDI. Kuntrarju għall-proġett ta’
Tignè
Point, dan l-iżvilupp qatt ma seħħ.
Sadanittant, bħal ħafna oħrajn, ittamajt li din il-gżira tinbidel fi
spazju naturali u pubbliku qalb il-konċentrazzjoni ta’ żvilupp urban fl-inħawi
tal-madwar, fosthom il-Gzira, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex u l-Imsida.
Is-sena li għaddiet il-kunsill lokali tal-Gżira
u l-għaqdiet non-governattivi (NGOs) immobilizzaw lin-nies b’rabta
mas-sitwazzjoni f’Manoel Island. Dan
wassal għat-tfassil mill-ġdid ta’ master plan u l-iffirmar ta’ ftehim bejn
il-kunsill lokali u l-NGOs dwar kif ser jittieħed ħsieb tal-gżira. Jekk jitwettaq, dan ikun pass ’il quddiem mill-pjanijiet preċedenti, peress li l-pjan u l-ftehim jiddikjaraw li
ser jitħarsu x-xtut, l-ispazji naturali u s-siti storiċi tal-madwar, u ser ikun
hemm aċċess pubbliku għalihom.
MIDI sadanittant ressaq pjanijiet ġodda ta’
żvilupp, li jinkludu 600 appartament ġdid,
lukanda f’Lazaretto, yacht marina, helipad, pjazez pubbliċi u ħwienet. Skont l-iżviluppaturi
ser ikun hemm 80,000 metru kwadru ta’ spazji naturali u u spazji pubbliċi
rikreattivi għall-familji, kif ukoll ċentru tal-arti u l-kultura ġewwa Fort
Manoel li ser ikun fih spazji għal wirjiet, mużewijiet, ħwienet u ristoranti.
Nittama li dawn ma jkunux replika
ta’ xi proġetti ‘kulturali’ oħra f’Malta li sempliċiment spiċċaw biex ħolqu
aktar katidrali ta’ konsum.
L-iżviluppaturi qed jikkunsidraw ukoll metodu ġdid biex jitnaqqas l-ammont
ta’ skart mill-kostruzzjoni. Qed jipproponu l-użu mill-ġdid ta’ madwar 121,000 metru kubu fuq is-sit
innifsu, 67,000 metru kubu ieħor fi proġett ta’ riklamazzjoni tal-art, u r-rimi tal-100,000 metru kubu li jifdal fil-baħar, hekk
kif approvat li jsir mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi
(ERA). Dan tal-aħħar ser jinvolvi madwar 11-il trakk mgħobbi fis-siegħa għal 40 ġimgħa, f’żona
fejn diġà jkun hemm
konġestjoni tat-traffiku.
F’laqgħa miftuħa għall-pubbliku li
saret dan l-aħħar, L-ERA u l-konsulenti
tal-iżviluppaturi ppreżentaw
is-sejbiet tar-Rapport dwar l-Impatt Ambjentali (EIA). Il-laqgħa, li fiha ħadt sehem, kellha konkorrenza fqira mill-pubbliku, tant li kien hemm aktar
uffiċċjali tal-ERA u konsulenti tal-iżviluppaturi milli kien hemm membri
tal-pubbliku, li kienu jgħoddu biss madwar 15-il
persuna.
Fil-laqgħa, li kienet ferm ċivili, kien hemm
qbil ġenerali li minkejja n-nuqqasijiet, l-iżvilupp propost jimmarka pass ’il
quddiem meta mqabbel ma’ pjanijiet preċedenti. Madankollu, xorta
għad fadal diversi punti ta’ tħassib li għandhom jiġu indirizzati. Per eżempju, skont l-EIA,
hu stmat li sas-sena 2025 ser ikun hemm madwar 4,700 vjaġġ b’vetturi kuljum b’riżultat tal-proġett, u li dawn ser jiġu inkorporati f’total
ta’ 39,000 vjaġġ max-xatt u fil-Gżira. Matul il-laqgħa, dawk preżenti semgħu
kif dan ser jirriżulta f’żieda ta’ sebgħa
fil-mija fit-tniġġis tal-arja, liema żieda hi ‘moderata’
skont l-EIA u kriterji internazzjonali.
Biex jagħmlu tajjeb għal dan, l-iżviluppaturi
qed jipproponu pjan ta’ vvjaġġar ekoloġiku fuq Manoel Island. Dan jinvolvi
trasport bil-baħar, bir-roti, u b’ vetturi elettriċi fost l-oħrajn. Biss il-mistoqsija ewlenija hi: dan il-pjan
hu wieħed li jorbot, jew huwa biss parti minn lista ta’ xewqat?
Kwistjoni oħra importanti hi kif ser jgħaddi u jiċċirkola l-ilma fid-dawl ta’ proġetti ta’
riklamazzjoni fiż-żona. Is-Sur Victor Axiak,
President tal-ERA, kien issuġġerixxa pjan għaż-żona kollha biex jiġi żgurat li
ma jkunx hemm impatt negattiv fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma. Sadanittant, ikollna
nemmnu dak li qal il-konsulent tal-iżviluppaturi, jiġifieri li t-tħammil taħt il-pont ser iżid il-fluss u
ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma.
F’dak li għandu x’jaqsam mas-600
appartament imsemmija, huwa importanti li wieħed jiftakar li dawn ser ikunu
jidhru mix-xatt tal-Gzira. Wieħed
jittama li d-disinn arkitettoniku tagħhom ser ikollu valur estetiku.
Sfortunatament dan il-proġett ta’ żvilupp hu
eżentat mill-obbligu ta’ valutazzjoni tal-impatt soċjali. Ma nistax nifhem għal liema raġuni proġett ta’ dan id-daqs ma jikkwalifikax
għal tali studju: rapport bħal dan joffri opportunità
biex jiġu integrati t-tħassib u l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar
l-iżvilupp, bil-possibilità
li dan jissarraf f’benefiċċju għal kulħadd permezz
ta’ proċess ta’ żvilupp aktar inklużiv.
Lanqas
ma nista’ nifhem għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar mhijiex qed tinvestiga
l-impatt kumulattiv tal-proġetti kollha ta’ żvilupp
f’din iż-żona permezz ta’ viżjoni sostenibbli. Biss biex dan iseħħ hemm bżonn
rieda politika u l-għoti ta’ rwol aktar proattiv lill-Awtorità, u dan kollu, għall-inqas għalissa, għadu mhuwiex qed
isir.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 15 ta' Lulju 2018