Meta niddiskutu ż-żieda prevista fil-prezz tal-hobż,
tajjeb li npoġġu din il-kwistjoni f’kuntest soċjo-ekonomiku.
Tajjeb li nammettu li jekk jogħla l-prezz internazjonali
tal-qmugħ ma tantx hemm x’jista’ jagħmel il-Gvern, ħlief dak li kien għamel
gvern Nazzjonalista meta ta kumpens lil persuni li għandhom dħul baxx u li jassisti
lill-furnara biex ikunu iktar effiċċjenti.
Iżda meta wieħed jikkunsidra r-rata ta’ inflazzjoni f’Malta,
wieħed jibda jitħasseb ukoll dwar żidiet oħra fil-prezzijiet. F’Malta, ir-rata
żdidet minn 1.4 fil-mija għal 1.7 fil-mija bejn April u Mejju, meta r-rata
kienet ta’ 1.1 fil-mija f’Mejju tal-2017. Fl-aħħar tnax il-xahar Malta
espejenzat żidiet fl-ikel u xorb non-alkoħoliku, fjuwil, kirjiet ta’ propjeta,
għamara u tagħmir domestiku kif ukoll f’servizzi relatati ma’ lukandi u
restoranti.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ikel, iż-żieda ta’ 1.6
fil-mija f’Mejju kienet it-tielet l-għola fl-UE, u f’pajjiżna l-konsumatur iħallas
10 fil-mija iktar mill-medja Ewropeja, saħansitra għola mill-prezzijiet f’18
il-pajjiż fosthom il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Olanda u l-pajjiżi kollha li ssieħbu
fl-UE ma’ Malta jew wara.
Fil-verita’ m’hemmx għalfejn nirreferu għal statistika
biex naraw iż-żidiet fil-prezzijiet. Illum kulħadd jaf li l-konsumatur qed
jinsteraq minn kontijiet tad-dawl għoljin minħabba metodu illegali u
monopolistiku li qed jintuża mill-ARMS. Nafu ukoll kemm qed jiżdied il-prezz ta’
ikel li jinxtara minn barra, minn sempliċi hobża biż-żejt sa ikla f’ristorant,
u l-istess qed jiġri f’prezz ta’ ikel li nixtru għad-dar.
Huwa ċar li l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema mingħajr
ippjanar sostenibbli qed iwassal għal prezzijiet għoljin per eżempju
fil-kirjiet. U fl-istess ħin il-Gvern Laburista s’isa ħela ħames snin fil-housing
soċjali.
Dan mhux tort ta’ dawn il-ħaddiema: dan hu tort ta’ gvern
li qed jirreduċi l-ekonomija f’dipendenza fuq numru żgħir ta’ setturi mingħajr
ma’ jara sew l-impatti soċjali, ambjentali u infrastrutturali fost oħrajn.
Fl-istess ħin hemm realtajiet bħal kundizzjonijiet hżiena
ta’ xogħol, is-solitudni u nies jgħixu f’garaxxijiet. Huwa veru li r-rata uffiċjali
tal-faqar u esklużżjoni soċjali naqset, iżda irridu nżommu f’moħħna li skont
il-Eurostat fl-aħħar tal-2016 kien hemm 85,000 persuna f’riskju ta’ faqar u esklużjoni
soċjali u 19,000 li huma imċaħħda b’mod sever. Wieħed minn kull għaxar persuni
mhux ilaħħaq mal-kirjiet, self jew kontijiet. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni
Ewropea temmen li l-pensjoni f’Malta m’hijiex adekwata.
Għalhekk, ikun tajjeb jekk il-mudell ekonomiku ta’ Malta iħares
iktar fit-tul u li il-politika ekonomika tinkludi ukoll analiżi ta’ impatti soċjali,
żvilupp fil-komunita’ kif ukoll diversifikazzjoni.
Għalhekk, filwaqt li mhux tort tal-Gvern li l-prezz globali
tal-qmugħ qed jiżdied, l-istess gvern ma jistax jabdika mir-responsabilitajiet
tiegħu dwar id-diversi forom ta’ prekarjat tal-llum. F’dan in-nuqqas,
l-oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkun il-vuċi tas-solidarjeta’ u ta’ politika b’ruħ
soċjali.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 8 ta' Lulju 2018.