Saturday, July 21, 2018

Kemm nistgħu nkunu liberi? – Michael Briguglio

Picture: Freedom Dance - George Mullen, 1999
Meta wieħed jagħti ħarsa lejn l-iżvilupp ekonomiku, kwistjonijiet etiċi, jew il-liġi u l-ordni pubbliku, jara li l-libertà individwali sikwit hi l-fattur ewlieni li jimmotiva t-tfassil tal-politika f'Malta bħalissa. Isiru eċċezzjonijiet meta jkunu involuti l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-grupp dominanti li jmexxi l-pajjiż.



Għal diversi filosfi u soċjologi, il-libertà hi l-fattur ewlieni li jimmotiva l-imġiba tal-bnedmin, iżda t-tifsira ta' din il-frażi trid tiġi kkwalifikata. Nemmen li meta wieħed janalizza din il-kwistjoni, wieħed għandu jsaqsi kif il-libertà ta' persuna waħda tista' tkun kompatibbli mal-libertà tal-oħrajn.



Dan hu differenti mill-argument li l-libertà ta' individwu għandha tirbaħ fuq kollox u li s-sistemi morali jibdluna f'entitajiet passivi u doċili. Tabilħaqq, bosta argumenti għal libertà bla rażan sikwit ikunu huma stess marbutin ma' sistemi morali: il-libertinaġġ huwa fih innifsu twemmin. Għaldaqstant, libertarju huwa lsir ta' egoiżmu bla tmiem?



Il-perspettiva tiegħi dwar il-libertà hija differenti wkoll mit-twemmin li l-ħajja hija biss taqbida bla waqfien biex wieħed isalva. Tassew li lkoll ser immutu, u iva, xi wħud minna huma aktar b'saħħithom minn oħrajn. Iżda persuna tista' tkun fiżikament aktar b'saħħitha mill-ġar tagħha iżda psikoloġikament aktar dgħajfa biex tħabbat wiċċha mal-isfidi li tiltaqa' magħhom. U daqskemm il-kompetizzjoni tista' tagħti inċentiv lil dak li jkun biex itejjeb il-qagħda tiegħu, daqstant il-kooperazzjoni jista' jkollha riżultati pożittivi. Nemmen li l-kuntest hu kruċjali f’dan ir-rigward.



Nemmen ukoll li ta' spiss il-libertà tista' tirriżulta f'konsegwenzi mhux intenzjonati f'diversi direzzjonijiet, kemm pożittivi kif ukoll negattivi.  B'rabta ma dawn tal-aħħar, l-istorja turina li proġetti “grandjużi” li wiegħdu l-liberazzjoni tal-umanità spiċċaw biex wasslu għall-oppost, fejn sikwit spiċċaw biex daru għar-repressjoni, it-tfigħ il-ħabs jew il-qtil ta' dawk li ddubitaw il-pjanijiet "liberi" tal-mexxejja "illuminati" u l-veritajiet assoluti tagħhom.



Jekk immexxu l-ipoteżi tal-"konsegwenzi mhux intenzjonati" għal Malta llum, nemmen li l-introduzzjoni mgħaġġla mill-gvern ta' leġislazzjoni f'bosta oqsma jista' jkollha konsegwenzi mhux intenzjonati li setgħu ġew evitati kieku l-proċess ta' tfassil ta' politika kien iktar kawt u olistiku.



Kif inhuma l-affarijiet, it-tfassil ta' politika f'Malta jista' jkun li qed ixaqleb iżżejjed lejn l-estrem tal-libertà mingħajr ma jqis implikazzjonijiet bħas-sostenibbiltà u l-etika. Dan l-approċċ jista' jirbaħ il-voti ta' dawk li jgawdu direttament, iżda jirrispetta l-ġejjieni u dawk li jista' jkun ikollhom iħallsu l-prezz ta’ tfassil ta' politika bħal dan?



Naħseb li pajjiżna jeħtieġ li jikkwalifika l-perspettiva tiegħu tal-libertà. Tista' titqies sostenibbli jekk tiġi rikonoxxuta bħala dipendenti mil-libertà tal-oħrajn, u b'hekk tiġi rrikonċiljata mar-responsabbiltà u l-interdipendenza. Idealment, l-Istat għandu jidher li huwa l-entità li tagħti l-garanzija aħħarija tar-rikonċiljazzjoni tal-libertà individwali mal-ġid komuni. Għaldaqstant,  idealment il-lingwaġġ politiku ma jikkonċentrax biss fuq il-libertà, iżda jenfasizza wkoll is-solidarjetà, id-dinjità, ir-reċiproċità u r-responsabbiltà.



Minkejja dan l-argument, nagħraf li d-djalettika bejn il-libertà u l-ġid komuni xi kultant diffiċli li tasal għal rikonċiljazzjoni. Il-politiċi sikwit ikollhom biċċa xogħol iebsa biex jaqtgħu linja fit-tfassil tal-politika, u din tiġi influwenzata wkoll mill-interessi konfliġġenti ta’ lobbies differenti. Il-biża’ tiegħi hi li l-gvern bħalissa qed jikkonċentra wisq fuq id-denominatur komuni l-iżjed baxx fi ħdan iċ-ċiklu elettorali.



Barra minn hekk, il-libertà minna nfisha tista’ tkun kunċett ambigwu. Ta’ spiss ikollna nagħmlu għażliet u ngħixu bihom fit-tajjeb u l-ħażin. Nistgħu ma nkunux ċerti dwar ir-riżultati tad-deċiżjonijiet tagħna, u dan parzjalment jispjega l-ansjetà akbar ta’ żminijietna.



Kif darba qal Eckhart Tolle, sikwit niskopru li l-ħajja hi aktar avventura milli vjaġġ ippjanat: u li nippruvaw naħarbu mil-libertà u r-responsabbiltà jista’ jitqies “twemmin ħażin”, kif darba saħaq Jean Paul Sartre.



F’dan, jien ningħaqad ma’ Zygmunt Bauman fit-twemmin li qatt ma jista’ jkun hemm tweġiba finali għad-djalettika bejn il-libertà u l-ġid komuni. Dak li għandna nagħmlu hu li nevitaw assolutiżmi ideoloġiċi u minflok ninvestu f’soċjetà li taħseb u tirrifletti.



L-għanijiet ta’ soċjetà bħal din ikunu li kull wieħed u waħda minna jkollha l-ħila tħabbat wiċċha mal-ħajja ta’ kuljum u li niġbru r-riżorsi tagħna biex ngħinu biex tiġi garantita ħajja deċenti. L-ewwel għan jitlob aktar investiment f’oqsma bħax-xjenzi umanistiċi, l-etika u l-psikoloġija; it-tieni għan jitlob sistema ta’ sigurtà soċjali li tħares lil hinn miċ-ċikli elettorali.


Dan l-artiklu deher fil-Mument, 22 ta' Lulju 2018