Stampa: The redundancy of ideology - Peter Davies, 2008 |
Kemm huma
importanti t-tikketti ideoloġiċi? Xi wħud jargumentaw li fis-soċjetajiet
likwidi tal-lum, l-ideoloġiji huma inutli daqs it-typewriters. Oħrajn jemmnu li
l-pożizzjoni politika tagħhom hija dik oġġettiva u tajba, bil-kontra ta'
pożizzjonijiet oħrajn li jsejħulhom ideoloġiċi, suġġettivi, u parzjali, fost l-oħrajn.
Aġġettivi bħal dawn xi kultant jintużaw kemm minn liberali estremi li
l-liberaliżmu tagħhom jinbidel f'awtoritarjaniżmu dogmatiku kif ukoll minn
ultrakonservattivi li jonqsu milli jifhmu l-bidliet soċjali ta' żminijietna.
Billi jien
eqreb tan-naħa liberali, ninsab kemxejn imħasseb minn dogmatiżmu ġdid li qed
jiġi artikolat minn liberali estremi li jemmnu fi 'progress' inevitabbli li
jeqred it-tradizzjonijiet li x'aktarx jistmerru. Huma jemmnu li l-istorja
għandha tgħaġġel lejn id-direzzjoni ppreferuta tagħhom u li l-kritiċi huma
sempliċement reazzjonarji li ma jridux jitilqu l-preġudizzji tagħhom.
Liberaliżmu
estrem ta' din ix-xorta jiġi artikolat b'diversi modi. Pereżempju, il-progress
ekonomiku jitqies inevitabbli jkunu x'ikunu l-konsegwenzi soċjali u ambjentali
tiegħu. Il-politika dwar il-ġisem tissejjaħ ir-rebħa tal-identità u
tat-teknoloġija anke jekk kritiċi jqajmu dubji dwar karatteristiċi naturali li
ma jistgħux sempliċement jitħassru permezz ta' kostruzzjoni soċjali.
Bħal
estremiżmu ieħor ta' kull xorta, il-liberaliżmu estrem jista' wkoll jiċħad
il-kompromess, il-moderazzjoni u r-reqqa għax dawn jistgħu jfixklu
l-"verità" assoluta tiegħu.
Dawk li
jikkritikaw approċċ bħal dan jinkludu moderati kemm fuq in-naħa liberali kif
ukoll fuq dik konservattiva. X'aktarx jargumentaw li s-soċjetà hija wisq
imqanqla biex tqatta' ħin fuq djalogu riflessiv u biex tgħożż l-għerf li jista'
jintiret mit-tradizzjoni. Fl-istess waqt, mhux it-tradizzjonijiet kollha
għandhom jitqiesu siewja. Imma dan ma jfissirx li t-tradizzjoni għandha tiġi
mistkerrha sempliċement għax tippromwovi kontinwità kostruttiva.
Fil-verità, hu
min ikollu s-setgħa li jimplimenta pożizzjonijiet ideoloġiċi, minkejja li sikwit
jiġi influwenzat minn fatturi oħrajn u konsegwenzi mhux intenzjonati. Jekk dawn
l-ideoloġiji jkunux appoġġati minn evidenza jew minn konsultazzjoni olistika
hija kwistjoni separata.
L-argument
tiegħi ser nirfdu b'eżempji minn Malta. Il-gvern Laburista ġie elett
demokratikament b'mandat ta' twettiq ta' bidliet soċjali, u l-maġġoranza
parlamentari kbira tiegħu tagħtih il-kumdità li jibqa' jagħfas il-gass f'dan
il-qasam. Aspett ewlieni tal-istrateġija tal-Partit Laburista hi li jħares
l-impenji elettorali li għamel ma' gruppi speċifiċi anke jekk ikun hemm
riperkussjonijiet fuq is-sostenibbiltà u l-ġid komuni.
Iżda sakemm
dawn l-impenji ma' jolqtux l-interessi immedjati jew it-tħassib ta' gruppi
oħrajn, jew jekk gruppi oħrajn jitqiesu anqas sinifikanti elettoralment
mill-gruppi li jkunu qed igawdu mill-impenji tal-Partit Laburista, allura
l-bidliet ikkonċernati jseħħu.
Jista' jingħad
li din hi l-essenza tal-politika demokratika, u sa ċertu punt dan huwa veru.
Iżda politika bħal din titlob ir-responsabbiltà, u r-responsabbiltà tfisser li
jiġu evalwati l-forom differenti tal-impatt tat-tfassil tal-politika.
Ippermettuli
nagħti xi eżempji. Għadd ġmielu ta' persuni qed jaqilgħu ħafna flus
mill-politika laxka tal-ippjanar tal-gvern Laburista. Sulari żejda jistgħu
jinkrew jew jinbiegħu, żvilupp fuq art ODZ jista' jwassal għal qligħ enormi, u
standards baxxi fil-kostruzzjoni jnaqqsu l-ispejjeż. Dan kollu mbagħad
jissarraf f'voti għall-Partit Laburista.
Il-persuni li
huma kontra dawn il-prattiki jistgħu jisfaw rassenjati, jiġu konvinti jieħdu
sehem fihom jew jista' jkun li huma parti mid-demografika ta' votanti li diġà
ma jappoġġawx lill-Partit Laburista. Iżda politika bħal din hija responsabbli,
meta l-pajsaġġ ta' Malta qed isir dejjem aktar imniġġes urbanizzat u ffullat?
Il-proċess ta'
tfassil ta' politika tal-gvern Laburista dwar l-IVF u s-surrogacy huma każijiet
oħra bħal dawn. Huwa veru li hemm fehmiet differenti dwar dawn
il-kwistjonijiet, fosthom pożizzjonijiet esperti kontra xulxin, u hu veru wkoll
li s-surrogacy ma ġietx inkluża fir-riformi reċenti tal-IVF.
Iżda l-gvern
tassew qed jisma' ilħna u rakkomandazzjonijiet differenti? Meta wieħed jiftakar
li kien il-Partit Nazzjonalista fil-gvern li introduċa l-IVF fl-2012, il-Partit
Laburista seta' għamel aktar biex jintlaħaq qbil, jew minflok ta prijorità
assoluta lill-pożizzjoni ideoloġika u l-kalkoli elettorali tiegħu?
Nemmen li hu
normali li jkun hemm pożizzjonijiet ideoloġiċi differenti f'demokrazija
liberali, u hija din id-diversità li tagħti l-ħajja lill-proċess demokratiku
nnifsu. Iżda meta dawn il-pożizzjonijiet ma jinbidlux, minħabba kalkoli
politiċi jew dogmatiżmu, ilkoll nifqaru minħabba nuqqas ta' djalogu.
Iva, il-Partit
Laburista għandu maġġoranza parlamentari kbira u mandat b'saħħtu għal diversi
riformi. Imma dan għandu jagħti aktar lok għal djalogu xieraq, konsultazzjoni
komprensiva u analiżi bir-reqqa tal-evidenza, u mhux politika għaġġelija u
supperva.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 5 ta' Awissu 2018.