Ir-riżultati elettorali fil-Punent juru
biċ-ċar li n-nazzjonaliżmu hu sors ewlieni għall-identità ta’ bosta votanti. Iżda t-terminu ‘nazzjonaliżmu’ ma għandux
tifsira waħdanija: jista’ jkun ispirazzjoni daqstant għal dawk li jemmnu
f’soċjetà msejsa fuq is-solidarjetà u l-ġid komuni daqskemm hu għal dawk li
jemmnu f’soċjetà allinjata ma’ identità waħda, sew jekk reliġjuża, kulturali
jew ideoloġika.
Bla dubju,
il-migrazzjoni hija kwistjoni soċjali u politika ewlenija madwar l-Ewropa. Stħarriġ
xjentifiku soċjali wara ieħor jikkonferma li n-nies madwar il-kontinent huma
mħassbin dwar din il-kwistjoni. Ikun irresponsabbli jekk il-politiċi u dawk li
jfasslu l-politika jinjoraw dan, għalkemm dan ma jfissirx li hemm biss mod
wieħed kif tiġi indirizzata l-kwistjoni. Barra minn hekk, ma nemminx li teżisti
soluzzjoni maġika sempliċi għal kwistjonijiet kumplessi bħal dawn.
Sadanittant, il-partiti
politiċi li qed jużaw lingwaġġ qawwi ta’ esklużjoni f’dan il-qasam qed jieħdu
vantaġġ minn mewġa ta’ skuntentizza f’pajjiżi madwar l-Ewropa. Saħansitra
fl-Iżvezja, sikwit meqjusa bħala l-aktar pajjiż favorevoli għar-refuġjati fid-dinja,
il-Partit Demokratiku populista bħalissa qiegħed fil-quċċata ta’ kull stħarriġ
li qed isir. Ir-riżultati tal-elezzjonijiet nazzjonali li saru dan l-aħħar
fl-Italja, l-Awstrija, l-Ungerija u pajjiżi oħrajn jagħtuna idea ċara ta’
x’għandna nistennew fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin sakemm ma jitfasslux
strateġiji politiċi aktar effettivi elettoralment.
Madankollu hemm
eċċezzjonijiet għal din ix-xejra: Emmanuel Macron u Angela Merkel huma l-eżempji li wieħed minnufih jaħseb
fihom, avolja Merkel il-ħin kollu qed tħabbat wiċċha ma’ appelli għal politika
aktar iebsa dwar il-migrazzjoni. Il-loġika tan-numri parlamentari tfisser li
sikwit ikollha tilħaq kompromess dwar il-pożizzjonijiet tagħha, pożizzjonijiet
li oriġinarjament ikunu orjentati aktar lejn is-solidarjetà.
Fl-istess waqt ,
xi esperti fix-xjenza politika sabu li meta partiti moderati taċ-ċentru
f’pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja adottaw pożizzjoni aktar iebsa dwar
il-migrazzjoni meta mqabbla mal-pożizzjonijiet li kellhom qabel, dan xorta
waħda ma waqqafx lill-partiti populisti milli jmorru tajjeb fl-elezzjonijiet.
Iżda dan ifisser li l-partiti taċ-ċentru għandhom jagħmlu bil-kontra u
sempliċement jinjoraw it-tħassib tan-nies dwar il-migrazzjoni? Nemmen li dan
kieku jagħti opportunitajiet saħansitra akbar lill-populisti.
Għalija,
ix-xenarju attwali jfisser li n-nazzjonaliżmu għandu jiġi artikolat b’mod
politikament produttiv li jagħti valur lis-solidarjetà u lid-dinjità
tal-bniedem. Naħseb li dak li għandu jsir hu li jintuża lingwaġġ li jesprimi tfittxija
għal-libertà u l-ġid komuni kemm permezz ta’ jeddijiet kif ukoll permezz ta’
responsabbiltajiet fi ħdan in-nazzjon b’mod partikolari u l-UE b’mod ġenerali.
Dan in-nazzjonaliżmu ma għandux ikun assoċjat esklużivament ma’ identità waħda
bl-esklużjoni ta’ oħrajn: għall-kuntrarju għandu jiddefinixxi l-ġid komuni
b’mod li jippermetti li persuni ġejjin minn ambjenti differenti jistgħu jkunu
parti mis-soċjetà jekk in-normi bażiċi jitħarsu.
Din l-għamla ta’
patrijottiżmu għalhekk ma tkunx marbuta ma’ kulur, razza jew twemmin. Tkun
marbuta ma’ valuri bażiċi li jgħaqqdu lill-bnedmin, bħar-rispett u
t-tolleranza. Tenfasizza l-ħtieġa li jkollna lingwaġġ komuni sabiex in-nies ilkoll
ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom.
Tkun tagħti valur
lil tradizzjonijiet tal-post filwaqt li tilqa’ t-tradizzjonijiet tal-persuni li
jaslu fil-pajjiż, sakemm ikun hemm rispett miż-żewġ naħat u d-drittijiet
stabbiliti tal-individwi ma jinkisrux.
Stili ta’ ħajja u
kulturi li jippromwovu l-intolleranza, il-vjolenza u l-oppressjoni ma għandhomx
jiffurmaw parti minn xenarju bħal dan.
Il-maġġoranzi
kulturali, ideoloġiċi u politiċi jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet
tal-minoranzi, hekk kif il-minoranzi jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet
tal-maġġoranzi. Il-kuntrarju ta’ din l-għamla ta’ nazzjonaliżmu jkun
sitwazzjoni fejn ikun hemm diversi forom ta’ fundamentaliżmu li jkunu wisq
esklużivi jew ikunu jridu sitwazzjoni ta’ libertinaġġ mingħajr ebda normi u valuri
li jorbtu lin-nies.
Ovvjament, l-implimentazzjoni
ta’ politika bħal din mhijiex faċli. Fil-kuntest tal-UE, hu tassew diffiċli li
jintlaħaq qbil dwar il-qsim tar-responsabbiltà għar-refuġjati, u kif inhuma
l-affarijiet ma nistax nimmaġina soluzzjoni oħra għajr il-qsim volontarju
tar-responsabbiltà permezz ta’ koalizzjonijiet ta’ pajjiżi ta’ rieda tajba.
Dan jitlob li
l-istati membri jagħrfu li jridu jagħtu u mhux biss jieħdu mingħand xulxin, u
li dawn ikunu lesti jgħinu lil xulxin u jimxu mal-valuri bażiċi Ewropej. Dan jeħtieġ
ukoll approċċ ta’ aktar solidarjetà u ta’ għajnuna reċiproka ma’ pajjiżi terzi
li jkunu għaddejjin minn kriżijiet umanitarji. Eżempju ta’ dan ikun assistenza
b’riżorsi u għajnuna bħala kumpens
għall-irfigħ tar-responsabbiltà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 12 ta' Awissu 2018