Ejjew nagħtu
ħarsa lejn xi wħud miċ-ċifri marbutin ma’ Malta pprovduti mill-Awtorità
tat-Turiżmu. B’kollox 2.3 miljun turist żaru l-gżejjer Maltin fl-2017, żieda
ta’ 16 fil-mija fuq l-2016 u kważi d-doppju tal-1.2 miljun turist li żaru Malta
fl-2009. In-nefqa tat-turisti u l-iljieli li qattgħu f’pajjiżna żdiedu b’14
fil-mija u 10 fil-mija rispettivament meta mqabbla mal-2016, bl-akbar għadd ta’
turisti ġejjin mir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja u Franza rispettivament.
Tlieta u
sebgħin fil-mija tat-turisti kienu qed iżuru lil Malta għall-ewwel darba, u
kien hemm bilanċ bejn turisti li għażlu vjaġġi b’kollox inkluż u turisti li
ppjanaw il-btala tagħhom waħidhom. Min-naħa l-oħra, 67 fil-mija tat-turisti
qagħdu f’akkomodazzjoni kollettiva bħal lukandi, filwaqt li 33 fil-mija għażlu
akkomodazzjoni privata.
Ir-raġunijiet
ewlenin għaliex it-turisti għażlu lil Malta kienu x-xemx u l-kultura
rispettivament, u l-biċċa l-kbira tat-turisti taw reazzjoni pożittiva dwar
l-esperjenza tagħhom f’Malta. B’rabta ma’ dan, wieħed jista’ jżid li t-turiżmu
jista’ jgħin ukoll biex jitrawmu attitudni miftuħa u sens ta’ kburija
fis-soċjetajiet lokali.
Fl-2017,
madwar 11,000 ħaddiem kienu impjegati direttament full-time fis-servizzi
turistiċi u madwar 6,000 kienu jaħdmu fit-turiżmu fuq bażi part-time bħala
x-xogħol ewlieni tagħhom. Ħafna oħrajn kienu impjegati indirettament bħal
fl-amministrazzjoni pubblika u l-banek.
L-ekonomisti
ma jaqblux dwar il-kontribut tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija, iżda wieħed
jista’ jgħid b’ċerta kunfidenza li dan il-kontribut huwa qrib it-12 fil-mija
tal-prodott gross domestiku. Dan jista’ jitkejjel billi l-ewwel wieħed isir jaf
kemm jonfqu t-turisti u mbagħad inaqqas il-prodotti u s-servizzi li jiġu
importati minn barra, u dak li jifdal huwa l-kontribut għall-prodott gross
domestiku.
Fl-2017
in-nefqa totali tat-turisti qabżet €1.9 biljun, li minnhom madwar 30 fil-mija
ntefqu fuq importazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi, u b’hekk tħallew madwar
€1.3 biljun fl-ekonomija.
Madankollu,
issa sirna nafu li ma nistgħux inkejlu l-impatt ta’ settur ekonomiku
sempliċement billi nħarsu lejn iċ-ċifri finanzjarji. F’destinazzjonijiet
turistiċi bħal Barċellona, Mallorca u Venezja l-opinjoni pubblika daret kontra l-ħarsa
tat-turist li qed tibdel lokalitajiet f’parks ta’ divertiment, u dan sikwit
iwassal għal problemi soċjali u ambjentali għar-residenti u prezzijiet ogħla
għall-prodotti u s-servizzi. Forsi Malta għandha tniedi indikatur tal-ħobża
biż-żejt biex ikejjel u jqabbel il-prezzijiet ta’ dan l-oġġett tal-ikel fi
żminijiet u postijiet differenti.
F’Malta nafu
li t-turiżmu hu settur ekonomiku ferm importanti, iżda min-naħa l-oħra
r-residenti spiss ikollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ problemi bħar-rimi ta’ skart
ma’ kullimkien u l-iffullar. F’lokalitajiet bħal Tas-Sliema, il-Gżira, San
Ġiljan, is-Swieqi u San Pawl il-Baħar ir-residenti sikwit jirrappurtaw għajjat,
storbju tard bil-lejl u skart eċċessiv.
Il-mixi
max-xatt u fuq il-bankini sar tassew diffiċli f’ċerti postijiet, u hu saħansitra
aktar diffiċli għal persuni b’diżabilità, persuni anzjani u ġenituri bi tfal
żgħar u pushchairs. Bosta drabi l-kunsilli lokali ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’
dawn il-problemi, u l-fatt li l-gvern ħa f’idejh għadd ta’ responsabbiltajiet
li qabel kienu f’idejn il-kunsilli lokali ma jgħinx.
Il-fenomenu
tal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi għen biex jiżdied l-għadd ta’ turisti, u
għamel is-safar aktar aċċessibbli għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Iżda
d-destinazzjonijiet turistiċi huma mgħammra għal żidiet bħal dawn? Xi bliet u
pajjiżi qed jintroduċu miżuri biex jirregolaw it-turiżmu b’mod aktar
sostenibbli.
Hawn Malta,
il-mudelli ta’ ppjanar tagħna mhumiex olistiċi. L-irduppjar f’għaxar snin
tal-għadd ta’ turisti ġie impost fuq infrastruttura li hi magħmula għal numri
ħafna iżgħar. Hawnhekk mhux qed nirreferi biss għat-toroq u l-bankini iżda
wkoll għat-trattament tad-dranaġġ, is-servizzi tal-isptar, it-trasport pubbliku
u prodotti u servizzi pubbliċi essenzjali.
Barra minn
hekk, il-mudell ekonomiku ta’ Malta bħalissa hu msejjes fuq iż-żieda
fil-popolazzjoni li tirriżulta mill-importazzjoni tal-ħaddiema. Għal darb’oħra,
huwa ċar li qed nagħtu aktar importanza lin-numri u lill-aċċellerazzjoni milli lill-kwalità
u lill-kawtela.
Huwa veru li
għandna nagħtu valur lill-prodott turistiku tagħna, iżda ejjew ma nħallux
l-effetti negattivi tiegħu jirbħu lil dawk pożittivi.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 19 ta' Awissu 2018