Xi kultant
is-soċjetà tqajjem agħa li jinfirex bħan-nar. Jista' jkun marbut ma' kull xorta
ta' kwistjoni, mis-saħħa għas-sigurtà. L-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir, dak
li jingħad min-nies, speċjalment dawk influenti, u s-sensazzjonaliżmu jagħtu
n-nar lil dak li jidher fl-aħbarijiet. Xi nies jemmnu, oħrajn jibqgħu xettiċi;
xi aħbarijiet ikunu fattwali, oħrajn ikunu foloz.
Il-politiċi, dawk
li jfasslu l-politika, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili għandhom id-dmir li
jkunu fattwali u li jiġġieldu x-xettiċiżmu msejjes fuq aħbarijiet foloz, anke
jekk jista' jkun li l-fatti ma jgħinux lill-aġendi rispettivi tagħhom. Tassew
li hemm modi differenti kif naqraw fatti bħall-istatistika, iżda dan ma
jfissirx li għarfien espert u xjentifiku għandu jitqies daqslikieku kien biss
il-fehma ta' xi ħadd kwalunkwe.
F'kuntest bħal dan,
hu essenzjali li nagħrfu li s-soċjetà ta' żmienna hi waħda msejsa fuq
opportunitajiet u riskji li noħolquhom
aħna stess. Noħolqu mezzi ta' transport li jagħtuna opportunitajiet bla tmiem,
iżda li paradossalment ikollhom konsegwenzi mhux intenzjonati bħat-tniġġis u
l-inċidenti.
Bl-istess mod,
il-mediċina tatna rimedji li jsalvaw ħajjiet, iżda kultant jista' jkollha wkoll
effetti sekondarji. Għalhekk, huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkunu mgħammra
biex jinnavigaw il-baħar ta' informazzjoni li jħabbtu wiċċhom miegħu kuljum, u
li l-għarfien li jaslilna jkun kemm jista' jkun fattwali. Huwa hekk li aħna
mbagħad inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet infurmati. Sikwit, li wieħed ma
jagħmilx għażla hija fiha nnifisha għażla.
Dan iwassalna
għall-paniku li bħalissa qiegħed jinfirex mal-Ewropa: il-ħosba. Qabel nissokta,
nixtieq ngħid b'mod ċar li nemmen li dan il-paniku hu leġittimu u hu bbażat fuq
evidenza xjentifika, li jiena nafda.
L-Organizzazzjoni
Dinjija tas-Saħħa dan l-aħħar ħarġet data li turi li l-41,000 każ ta' ħosba
fl-Ewropa bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena qabżu t-total annwali għal kull
waħda mill-ħames snin ta' qabel. Fl-2016 kien hemm biss 5,000 każ. Nofs dawn
il-każijiet kienu fl-Ukrajna, iżda kien hemm żidiet kbar u tifqigħat konsiderevoli
f'pajjiżi oħrajn ukoll. Ġew irrappurtati wkoll 37 mewt mill-ħosba fl-Ewropa matul
l-ewwel nofs ta' din is-sena.
Ir-raġuni ewlenija
li ngħatat għal dawn iż-żidiet hi r-rati baxxi ta' tilqim tat-tfal f'xi
pajjiżi. Għadd żgħir ta' pajjiżi Ewropej għandhom rati aktar baxxi minn xi
pajjiżi Afrikani. Ir-rati baxxi jistgħu jkunu riżultat ta' żewġ raġunijiet
ewlenin: f'pajjiżi bħall-Ukrajna u s-Serbja l-provvista tat-tilqima MMR (kontra
l-ħosba, il-gattone u r-rubella) kienet irregolari f'dawn l-aħħar snin, u
b'hekk affettwat ir-rata' ta' tilqim.
Fl-Ukrajna, ir-rata
ta' tilqim naqset minn 95 fil-mija għaxar snin ilu għal 31 fil-mija fl-2016,
parzjalment minħabba l-inkwiet ġeopolitiku iżda wkoll minħabba ċerti
deċiżjonijiet meħudin mill-gvern.
Min-naħa l-oħra,
f'pajjiżi fosthom Franza, il-Greċja u l-istess Ukrajna hemm ukoll numri
sinifikanti ta' nies - minn 25 sa 40 fil-mija tal-popolazzjoni - li huma xettiċi
dwar it-tilqim.
Hemm diversi raġunijiet
għax-xettiċiżmu dwar tilqim differenti, li jvarjaw minn twemmin ta' aħbarijiet
foloz sa fehmiet tal-gvern dwar jekk ċertu tilqim għandux ikun obbligatorju jew
le.
Fl-Italja,
pereżempju, il-gvern populista l-ġdid kompla jqajjem polemika dwar il-ħosba
billi 10 vaċċini li kienu obbligatorji biex it-tfal imorru l-iskola ma baqgħux
obbligatorji.
Huwa ċar li
x-xettiċiżmu dwar it-tilqima tal-MMR huwa riżultat ta' aħbarijiet foloz wara
studju qarrieq tal-1998 ta' Andrew Wakefield, li minn dak iż-żmien 'l hawn
tilef il-liċenzja medika tiegħu. Ħarsa fil-qosor lejn l-evidenza u kitbiet xjentifiċi
turi għaliex il-konklużjonijiet tiegħu kienu foloz. Iżda xorta waħda għadd imdaqqas
ta' nies jemmnuhom.
Jekk isibu rwieħhom
jikkonfondu f'kuntesti bħal dawn, in-nies għandhom jagħtu aktar attenzjoni
lill-pariri tal-esperti milli lil dawk li l-għan tagħhom hu li jbeżżgħu, li
bosta minnhom jeċċellaw fis-sensazzjonaliżmu fil-mezzi soċjali.
Dan iwassalna
Malta. Pajjiżna għandu sistema tajba ħafna ta' tilqim, għalkemm ċertu tilqim
ikollu jinxtara mingħand is-settur privat. Il-gvern issa qed jieħu passi biex
jevita żieda fl-infezzjonijiet tal-ħosba. Meta nqisu l-fatt li Malta gżira u
r-rabtiet ovvji tagħha ma' soċjetajiet oħrajn, huwa normali li l-awtoritajiet
tas-saħħa jkunu mħassbin.
Ħamsa min-numra
żgħir ħafna ta' sitt każijiet ta' ħosba din is-sena f'Malta kienu importati, u
dan jagħti raġun lill-għaqal ta' gvernijiet suċċessivi li żguraw li t-tilqima
tal-MMR tkun obbligatorja. Iżda l-ħosba tittieħed faċilment u l-qbil politiku
dwar il-qagħda attwali huwa ġġustifikat.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 16 ta' Settembru 2018