F'dan iż-żmien tas-sena l-Uffiċċju tal-Baġit fi ħdan
il-Ministeru tal-Finanzi jkun qed jaħdem fuq il-baġit nazzjonali li jmiss.
Jekk, għal mument, ninsew il-bejgħ tal-passaporti, għandna nagħrfu li mhuwiex
faċli li pajjiż jibbilanċja l-baġit tiegħu filwaqt li jieħu ħsieb
il-prijoritajiet tal-gvern u diversi ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali.
Tul dan il-proċess, l-imsieħba soċjali fi ħdan
il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jiltaqgħu biex jiddiskutu
dak li jistennew mill-Baġit. Jista' jkun hemm talbiet leġittimi differenti li
xi kultant ma jkunx faċli li jiġu rrikonċiljati. Xi msieħba soċjali jisħqu fuq
il-kompetittività, oħrajn jenfasizzaw is-setgħa ta' xiri tal-membri tagħhom, u
oħrajn jirreferu għal ħtiġijiet settorjali differenti.
Nittama li fil-Baġit li jmiss il-gvern jagħti aktar
importanza lill-persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar jew li għaddejjin minn
privazzjoni serja. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-għadd
ta' persuni fir-riskju tal-faqar (dħul ta’ inqas minn €8,698) fl-2016 kien
72,143, jew 16.8 fil-mija, 0.3 punti perċentwali aktar minn dak irreġistrat
għas-sena ta' qabel. Wieħed għandu jirreferi wkoll għal studju li sar dan
l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea li ddikjara li l-pensjonijiet għall-anzjani
f'Malta mhumiex adegwati.
Fl-istess ħin, iżda, fl-2017, ir-rata uffiċjali ta' privazzjoni
materjali serja fost persuni fi djar kienet 3.3 fil-mija, tnaqqis ta' 1.1
fil-mija mis-sena ta' qabel.
Huwa veru li l-gvern inkluda xi riformi ta' min ifaħħarhom
biex jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar. Dawn jinkludu t-tnaqqis gradwali
tal-benefiċċji meta jinstab xogħol, skemi għal tranżizzjoni minn dipendenza fuq
il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, miżuri li jgħinu lill-familji bħal ċentri
fejn jittieħed ħsieb it-tfal mingħajr ħlas u skemi oħrajn.
Iżda xorta waħda jibqa' l-fatt li l-piż huwa kbir wisq
għal dawk bi dħul baxx u għall-pensjonanti. Dan jinkludi l-ispejjeż dejjem
jiżdiedu għall-kera, l-ikel, il-fuel, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u affarijiet
oħra, li huma riflessi fir-rata relattivament għolja ta' inflazzjoni ta' madwar
tnejn fil-mija f'Malta.
Il-Baġit tas-sena l-oħra ta aġġustament għall-għoli
tal-ħajja (COLA) lill-ħaddiema ta' €1.75. Kwalunkwe konsumatur ikun tal-fehma
li dan mhuwiex biżżejjed biex il-ħaddiem ilaħħaq mal-ispiża vera li tirriżulta
miż-żidiet fl-għoli tal-ħajja. Il-fatt li l-gvern innifsu ta ammont żejjed
lill-ħaddiema apparti l-COLA kien fih innifsu ammissjoni li ż-żieda fil-COLA ma
kinitx realistika.
Nixtieq nuri l-appoġġ tiegħi għall-istqarrija
mill-għaqdiet tal-ħaddiema li wasal iż-żmien li l-mekkaniżmu li jikkalkula
l-COLA jiġi rivedut. Il-mekkaniżmu ilu snin ma jinbidel u b'konsegwenza ta' dan
jidher li ma għadux jgħodd għar-realtà.
Huwa veru li l-COLA kien ir-riżultat ta' ftehim
storiku bejn il-gvern u l-għaqdiet rispettivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, u
naqbel li hu diffiċli li jinħoloq mekkaniżmu alternattiv li jgawdi kunsens tant
wiesa'. Iżda dan ma għandux iżomm lill-gvern milli jikkunsidra metodi li
jistgħu jagħmlu bidliet fil-mekkaniżmu biex isir aktar realistiku filwaqt li ma
tiddgħajjifx il-kompetittività ta' Malta.
Il-gvern għandu jieħu bis-serjetà wkoll mistoqsijiet
oħrajn li qed isiru dwar iż-żieda fil-prezzijiet f'Malta. Pereżempju, kemm qed
jagħmel qligħ il-monopolju tal-Enemed? U kif qed jintuża dan il-qligħ?
B'rabta mal-kompetittività ta' Malta, tkun rilevanti
ħarsa lejn ġabra ta' indikaturi u evidenza oħra tul il-proċess tal-baġit. Wieħed
minn dawn l-indikaturi huwa d-defiċit kummerċjali ta' Malta. L-NSO dan l-aħħar
ikkwantifika dan id-defiċit bħala €242.6 miljun f'Mejju 2018, meta mqabbel ma' defiċit
kummerċjali ta' €441.2 miljun fl-istess xahar fl-2017. Kemm l-importazzjonijiet
kif ukoll l-esportazzjonijiet naqsu, b'€271.9 miljun u €73.3 miljun
rispettivament.
Minkejja li d-defiċit kummerċjali ta' Malta tjieb
matul it-12-il xahar imsemmija, l-eżistenza ta' dan id-defiċit mhijiex aħbar
ġdida, u t-tnaqqis kbir fil-manifattura f'Malta wassal għal defiċit ikbar matul
is-snin. Iżda l-manifattura għandha ġejjieni f'Malta? X'aktarx ser tkompli
tesperjenza sfidi kbar, imma tista' wkoll tadotta strateġiji bħal dik li
missieri Lino Briguglio jsejjaħ "speċjalizzazzjoni vertikali",
jiġifieri l-kumpannija Maltija tispeċjalizza fi stadju partikolari
tal-produzzjoni li jkun ibbażat fuq l-għarfien, u għaldaqstant jiġi ġġenerat
livell għoli ħafna ta' valur miżjud għal kull persuna impjegata.
Strateġija ekonomika bħal din titlob investiment
effettiv fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib
tal-ħiliet tal-ħaddiema. Meta wieħed iqis il-kisbiet relattivament baxxi ta'
Malta f'dan ir-rigward, nittama li l-gvern jagħti aktar importanza
lill-investiment marbut ma' dan fil-baġit li jmiss.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 2 ta' Settembru 2018