Wednesday, September 12, 2018

L-isfidi demografiċi ta' Malta - Michael Briguglio



L-isfidi demografiċi ta' Malta jeħtieġ li jiġu indirizzati b'rispett għal affarijiet bħad-dinjità tal-bniedem, il-kera, il-pagi, l-għoli tal-ħajja, il-komunikazzjoni lingwistika, is-sigurtà u l-ippjanar urban.



Malta hija mgħammra biex tirnexxi f'dawn l-isfidi fid-dawl tan-nuqqas ta' ppjanar min-naħa tal-gvern? Malta qiegħda tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u d-dritt għall-integrazzjoni u għas-sigurtà tal-persuni?



Hija eżattament il-ħtieġa għad-dinjità li titlob li ssir diskussjoni b'kawtela, dinjità u raġuni. Soċjetà li jimpurtaha għandha tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz ta' tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza.



Għalija li tkun Malti jfisser dan: li ngħożżu lil dak li jgħaqqadna, li nadattaw, li nkunu reżiljenti kif konna tul l-istorja tagħna u li nkunu mgħammra biex nirnexxu fl-isfidi ta' żminijietna. B'rabta ma' dan, nisħaq li l-gvern ta' Malta mhuwiex jinvesti biżżejjed f'oqsma bħat-tagħlim tal-lingwi, l-integrazzjoni soċjali, ir-riġenerazzjoni soċjali urbana, is-sigurtà u s-solidarjetà. Minflok qiegħed irawwem ekonomija fejn kollox jgħaddi, tellieqa sal-qiegħ u nuqqas ta' rispett lejn il-komunitajiet lokali. Għalija l-koeżjoni soċjali bejn bnedmin dinjitużi għandha żewġ naħat: rispett għad-diversità u rispett għall-valuri komuni li jorbtuna flimkien.



Insiru aktar b'saħħitna meta ngħożżu lil kulħadd, ġejjin minn fejn ġejjin u sejrin fejn sejrin. Aħna lkoll bnedmin. Mhux biss riżorsi umani.