Qabel ma l-ħidma parlamentari waqfet għall-btajjel tas-sajf,
il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ħabbar li kien ser isir proċess ta’
reviżjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Bosta jistennew ftehim
ġust b’rabta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spissi u aktar għoljin li
qed jaslulhom. Il-pubbliku ilu jaf b’ din is-sitwazzjoni tal-inqas mill-2017meta
nfetħet kawża fil-qorti minn żewġ konsumaturi dwar il-metodu użat mill-ARMS
biex jiġi kkalkulat il-konsum tal-enerġija.
Xi xhur ilu, xi esperti
qajmu kuxjenza dwar din il-problema u konsegwentement is-soċjetà ċivili
impenjat ruħha f’din il-kwistjoni permezz tal-kampanja ‘Up in ARMS’.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista u l-mezzi tax-xandir indipendenti raw li
s-sistema illegali tal-kontijiet issir kwistjoni ta’ importanza nazzjonali.
Il-liġi ta’ Malta
tiddikjara b’mod ċar li kontijiet bħal dawn għandhom ikunu msejsa fuq tariffa
ta’ konsum ibbażata fuq konsum kumulattiv fis-sena, iżda fil-fatt qed tintuża
sistema ta’ kontijiet kull xahrejn b’rati ta’ imgħax dejjem jakkumulaw u
theddid li l-konsumaturi jitneħħew minn fuq il-grilja jekk ma jħallsux.
Is-sistema hi kkontrollata mill-monopolju tal-gvern, l-Enemalta, li tqabbad
lill-ARMS – monopolju ieħor – biex toħroġ il-kontijiet.
Sa issa, ħafna qarrejja saru
konxji mill-mod kif is-sistema tal-kontijiet qed tisraqhom. Tabilħaqq, kull
xahrejn qed jittiħdulhom il-kwoti annwali permezz ta’ kontijiet maqsumin
f’perjodi iqsar, jiġifieri l-konsumaturi malajr jibdew iħallsu rati ferm ogħla
mill-10ċ5 imwiegħda. Kwoti annwali ta’ tariffi ta’ 2,000 unità b’10ċ5 u 4,000
unità bi 12ċ9 qed jinqasmu fi kwoti iżgħar fi ħdan il-kontijiet aktar spissi li
fil-fatt qed jintbagħtu.
Għaldaqstant, jekk
il-konsum ta’ dar f’sena partikolari jkun fil-limitu tal-kwota annwali totali,
dik id-dar tista’ xorta waħda tispiċċa tirċievi kontijiet fil-faxex aktar
għoljin kull xahrejn. Xi konsumaturi qed iħallsu b’rati ferm ogħla inħabba din
is-sistema – b’aktar minn 60ċ kull kWh. Kieku s-sistema li qed tintuża bħalissa
kienet qed tħares il-liġi, il-konsumaturi li l-konsum tagħhom huwa fil-limitu
tal-kwota annwali totali jitħallsu lura għall-ħlasijiet żejda – kif jiġri fis-sistema
tat-taxxi f’Malta.
Huwa rilevanti wkoll li ninnotaw
li bosta djar qed jiġu mċaħħda wkoll mill-eko-reduzzjoni tagħhom. Familja ta’
ħamsa u resident waħdani t-tnejn li huma jirċievu l-istess 2,000 unità b’10ċ5.
Iżda filwaqt li l-familja ta’ ħamsa qabel kienet tieħu skont jekk il-konsum
tagħha jkun fil-limitu ta’ kwota annwali, issa dan ukoll jista’ jintilef
bil-metodu li qed jintuża.
Fl-istess waqt, l-ARMS qed
tieħgu vantaġġ ukoll mis-sistema ta’ kontijiet ta’ kull xahrejn bis-saħħa ta’
fluss qawwi ta’ flus minn ħlasijiet u imgħax bi spejjeż tal-konsumaturi. L-anqas
li tista’ tagħmel hu li tagħti lura l-ħlasijiet żejda lill-konsumaturi.
Is-sistema ta’ kontijiet
li qed tintuża bħalissa għandha wkoll problemi oħrajn, bħall-fatt li bosta
persuni li jikru qed iħallsu rati domestiċi u mhux rati residenzjali, u b’hekk
qed ikollhom kontijiet ogħla, u l-fatt li parti mill-enerġija fotovoltajka li
qed tiġi ġġenerata mhijiex tiġi rreġistrata.
Dan kollu jiffavorixxi
lill-ARMS bi spejjeż tal-konsumatur. Il-familji akbar, il-pensjonanti u l-persuni
li jgħixu fi proprjetà mikrija, fosthom eluf ta’ persuni barranin, huma l-aktar
li qed ibatu, iżda l-gvern qiegħed jieħu l-affarijiet bil-lajma.
Tabilħaqq, ir-Regolatur
għas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni
u l-Affarijiet tal-Konsumatur kienu notevoli bin-nuqqas tagħhom dwar
il-kwistjoni kollha. Ta’ min inqabblu n-nuqqas ta’ reazzjoni tagħhom
mal-istqarrija pubblika immedjata tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u
l-Affarijiet tal-Konsumatur dwar iż-żieda fil-prezz tal-pastizzi.
Is-sitwazzjoni hija ċara,
iżda l-pubbliku qed jingħata ftit li xejn tagħrif jew inkella qed isirulu
wegħdiet vagi ta’ reviżjoni mill-gvern. L-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-gvern
f’dan l-istadju hi li jiddikjara li ser iħallas lura lill-persuni li nsterqu, u
mbagħad jiddikjara l-ammont preċiż ladarba jkunu ġew iffinalizzati l-kalkoli
għad-djar individwali.
Jekk dan ma jsirx, ser
ikollhom jittieħdu azzjonijiet oħra permezz tal-mezzi legali u politiċi
eżistenti. Nittamaw li s-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis possibbli u li
s-sistema ta’ kontijiet attwali mhijiex qed tintuża biex jiġu ffinanzjati
ftehimiet mhux trasparenti tal-gvern fix-xiri u l-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Sadanittant, l-għoli
tal-ħajja f’Malta jibqa’ jiżdied. Il-fjuwil huwa l-eżempju l-aktar reċenti: għal
darb’oħra, hu involut monopolju tal-gvern, u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu nieqsa
mit-trasparenza.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 9 ta' Settembru 2018