F’artikli preċedenti enfasizzajt firxa ta' miżuri li jistgħu jiġu implimentati fil-Baġit li jmiss għall-2019 f'kuntest ta' ekonomija li qed tikber li qiegħda tħabbat wiċċha ma' sfidi marbutin mal-esklużjoni soċjali, is-sostenibbiltà u n-nuqqas ta' ugwaljanza. F’dan ir-rigward, il-Partit Nazzjonalista ippreżenta ukoll numru ta’ proposti, u jien kont wieħed mill-awturi tad-dokument.
Semmejt
il-ħtieġa ta' mekkaniżmu rivedut u realistiku għall-aġġustament għall-għoli
tal-ħajja ta' Malta mogħti lill-ħaddiema u għajnuna għal dawk bi dħul baxx u
negozji ta' persuni li jaħdmu għal rashom, pereżempju bit-tneħħija tat-taxxa
fuq l-overtime u b'taxxi aktar baxxi rispettivament.
Irreferejt
għall-bżonn ta' żidiet deċenti fil-pensjonijiet u ta' kunsens nazzjonali dwar
is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Sħaqt ukoll dwar l-importanza ta' assistenza
xierqa għall-persuni li jikru, fid-dawl ta' prezzijiet li qed jiżdiedu b'mod
inkontrollabbli. Politika msejsa fuq l-evidenza u konsultazzjoni olistika ma'
esperti u ma' dawk ikkonċernati huma fatturi ewlenin meħtieġa għal dawn
ir-riformi.
Semmejt ukoll
il-ħtieġa għal investiment f'oqsma li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-kwalità
tal-ħajja tan-nies. B'rabta ma' dan irreferejt għall-bżonn ta' multi
infurzabbli għall-abbużi ambjentali u l-bżonn li prattika ambjentali tajba tiġi
ppremjata. Enfasizzajt il-ħtieġa għal strateġija nazzjonali ta' investiment
għal bankini aċċessibbli u l-bżonn li niżguraw li t-trasport pubbliku jagħti
servizz deċenti lill-klijenti. L-involviment tal-kunsilli lokali f'din
il-politika huwa essenzjali.
Fl-artikli
preċedenti tiegħi enfasizzajt ukoll il-ħtieġa li jitħallsu lura l-ħlasijiet
żejda li qed jirriżultaw mill-mekkaniżmu illegali għall-kontijiet tad-dawl u
l-ilma u l-bżonn ta' aktar investiment fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u
t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. F'dan l-artiklu nixtieq nidħol aktar fil-fond
dwar dawn il-proposti.
B'rabta max-xogħol,
b'xorti ħażina jeżistu kundizzjonijiet ħżiena ta' xogħol f'għadd ta' setturi
f'Malta, fosthom l-ekonomija illegali. Il-prekarjat jidher li hu l-aktar komuni
f'setturi li jvarjaw mill-kostruzzjoni sal-ġbir tal-iskart u minn xi 'ħwienet
tal-massaġġi' sa ċerti xogħlijiet
fis-settur tad-divertiment. Huwa wkoll pjuttost ċar li għadd ta' xogħlijiet
marbutin mal-kura huma kkaratterizzati minn pagi baxxi, li ma jirriflettux
ir-responsabbiltà involuta.
Barra minn
hekk, minkejja titjib tal-politika soċjali f'oqsma bħal ċentri fejn jittieħed
ħsieb it-tfal, Malta għadha lura f'termini tal-ugwaljanza bejn is-sessi u
l-edukazzjoni meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa, u għaldaqstant dan jindika li
hemm bżonn ta' aċċess mingħajr ħlas għal ċentri fejn jittieħed ħsieb it-tfal
anke għal tfal li l-ġenituri tagħhom la jaħdmu u lanqas jistudjaw.
Fil-qasam
tal-ambjent, il-gvern għandu jikkonċentra fuq l-għoti ta' inċentivi
għall-ekonomija ċirkolari li tqis l-immaniġġar tal-iskart bħala opportunità.
Għandu jagħti inċentivi wkoll għal teknoloġiji ekoloġiċi u jintroduċi inċentivi
differenti li jgħinu biex jissebbħu l-lokalitajiet tagħna. Dawn tal-aħħar
għandhom ikunu aċċessibbli għal individwi, is-soċjetà ċivili, is-settur privat
u l-kunsilli lokali.
L-investiment
tal-gvern fit-toroq għandu jiġi rifless f'infrastuttura, passaġġi u spazji li
tassew jiffavorixxu dawk li jużaw ir-roti u dawk li jimxu. Dan ma jidhirx li hu
l-każ fil-proġetti tat-toroq li qed iwettaq il-gvern bħalissa.
Nistenna wkoll
li l-gvern iżid il-firxa ta' għajnuna mogħtija lil individwi li għandhom
ħtiġijiet speċifiċi marbutin ma' kundizzjonijiet bħal, pereżempju,
il-fibromijalġija u l-ME.
Ikun
inkoraġġanti wkoll jekk il-gvern iwaqqaf ix-xejra ta' ċentralizzazzjoni
tas-setgħa f'idejn il-ministri u minflok juri fiduċja u rieda tajba lill-kunsilli
lokali u lis-soċjetà ċivili permezz tad-deċentralizzazzjoni, is-sussidjarjetà u
d-devoluzzjoni tal-art pubblika.
Biex insemmi
eżempju wieħed, għadd ta' artijiet li bħalissa huma proprjetà tal-gvern jista'
jsir użu aħjar tagħhom għaċ-ċittadini jekk l-amministrazzjoni u s-sjieda
tagħhom tiġi fdata lill-kunsilli lokali. Punt baġitarju li jikkunsidra dan
il-proċess ikun ferm ta' ġid.
Fl-aħħar nett,
naħseb li wasal iż-żmien li l-Ministru tal-Finanzi ta' Malta jagħti informazzjoni
komprensiva dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, li jien kontrih kemm fil-prinċipju
kif ukoll minħabba li nqis li mhuwiex sostenibbli fit-tul.
B'rabta ma'
dan, il-pubbliku għandu jingħata tagħrif dwar il-proċess ta' teħid ta'
deċiżjonijiet marbut mal-allokazzjoni u l-użu tal-fondi mill-IIP, jekk jeżistix
pjan, jekk hemmx kalendarju u affarijiet oħra relatati. Jekk dan ma jsirx,
bilfors nissuspettaw li l-finanzi pubbliċi ta' Malta qegħdin jiddependu dejjem
aktar minn fond li għandu nuqqas ta' sostenibbiltà, u li ċ-ċiklu elettorali qed
jingħata aktar importanza mill-ippjanar ekonomiku fit-tul.
Dwar dan
is-suġġett, importanti li niftakru li l-Fond Nazzjonali Soċjali u
għall-Iżvilupp li fih imur 70 fil-mija tad-dħul mill-bejgħ taċ-ċittadinanza
mhuwiex parti mill-qafas ta' finanzjament ferm regolat tal-UE u għalhekk jista'
jkun aktar vulnerabbli għal interventi partiġġjani. Ma jkunx aħjar kieku
jkollna gvern iżgħar u soċjetà akbar u b'aktar setgħa?
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 21 ta' Ottubru 2018