Sa issa f'Malta
hemm ħafna kandidati approvati u prospettivi validi għall-elezzjonijiet li
ġejjin għall-Parlament Ewropew. Ilkoll għandhom affiljazzjonijiet politiċi,
stili personali u prijoritajiet differenti, u dan jgħin biex il-votant għaqli u
riflessiv ikollu aktar għażla.
Dan il-pluraliżmu
huwa karatteristika bażika tad-demokrazija liberali tal-Punent. Id-djalogu u
d-diversità qalb il-kandidati jistgħu jgħinu biex l-immaġinarju politiku jkun
aktar varjat u huma alternattiva aħjar minn politika awtoritarja li għandha
dimensjoni waħda biss.
Madankollu, naħseb
li huwa importanti ħafna li l-parteċipanti elettorali jħarsu parametri ċari
msejsin fuq id-deċenza u r-rispett fi ħdan qafas pluralistiku. M'iniex qed
nirreferi biss għal regoli dwar ir-riżorsi finanzjarji u l-aċċess għall-mezzi
tax-xandir, iżda wkoll għall-komunikazzjoni ta' kuljum qabel l-elezzjonijiet.
B'rabta ma' din,
nappella lill-kandidati sħabi, il-partiti, il-ġurnalisti u l-attivisti kollha biex
jimpenjaw rwieħhom għal kampanja deċenti. L-aħħar elezzjoni ġenerali ta' Malta
kienet ikkaratterizzata minn sħaba sewda ta' antagoniżmu li konna ilna ma naraw
bħalha għal xi żmien, u forsi jeħtieġ li nikkalmaw u nersqu lejn qafas ta'
agoniżmu: fejn naraw 'il xulxin bħala avversarji, mhux għedewwa, u fejn
nirrispettaw ir-regoli bażiċi tad-dibattitu demokratiku.
Tabilħaqq, li
naqsmu u niddiskutu opinjonijiet differenti hija xi ħaġa tajba, u jien
nippreferi din id-diskussjoni minn komunikazzjoni ta' tgħawwiġ li tikkonċentra
aktar fuq li tkisser lill-messaġġier milli l-messaġġ.
B'xorti ħażina,
il-mezzi soċjali huma mimlijin eżempji ta' attakki fuq persuni u mhux fuq dak
li jgħidu, u hawnhekk insibu għadd imdaqqas ta' trolls anonimi. Xi wħud
jeċċellaw f'lingwaġġ ta' tkasbir fit-taqsimiet tal-kummenti u oħrajn joħolqu
paġni anonimi fuq Facebook imsejsa fuq l-assassinju tal-karattru jew it-tixrid
ta' diskors ta' mibegħda - għalkemm sikwit ikun faċli li wieħed jintebaħ min
ikunu n-nies wara dawn il-paġni.
Xi ġellieda fuq
l-internet anqas biss jagħmlu sforz biex jinħbew wara l-anonimità jew profili
foloz. Dan kollu jwaqqa' l-libertà tal-kelma tant għażiża għalina u juri
n-nuqqas ta' responsabbiltà f'kuntest fejn ma hemmx limiti.
Nemmen li l-libertà
tal-kelma tbati jekk ma tintużax b'responsabbiltà: dan ma jfissirx biss li
noqogħdu attenti għal-lingwaġġ li nużaw, iżda wkoll li jkollna sens ta'
proporzjon. Ilkoll għandna kwalitajiet differenti, iżda għandu jkun ovvju li
mhux kulħadd espert f'kollox. Għandna nagħrfu wkoll id-differenza bejn politika
msejsa fuq l-evidenza u żvogi fuq il-mezzi soċjali wara jum iebes.
Djalogu b'saħħtu
fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin għandu jfisser ukoll li nisimgħu l-fehma ta'
xulxin. Din mhux biss referenza għall-importanza li aħna l-kandidati nisimgħu
lill-avversarji tagħna, iżda wkoll li nisimgħu t-tħassib tal-elettorat, li nkunu
saqajna mal-art u nevitaw kemm jista' jkun li ningħalqu f'torrijiet tal-avorju.
Nemmen ukoll li
jekk infittxu dak li naqblu dwaru u nippruvaw nilħqu kompromessi, inkunu qed
nuru saħħa u mhux dgħufija, speċjalment minħabba l-isfidi kumplessi b'tant aspetti
li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum il-ġurnata. Xi kultant ikollna aktar
mistoqsijiet milli tweġibiet, kultant jista' jkun li ma nkunux qed insaqsu
l-mistoqsijiet it-tajbin, u xi drabi jkollna t-tentazzjoni li ma naqblux
bejnietna minħabba l-konvenjenza politika, u mhux għax nemmnu li dan ikun
is-sewwa.
Bħala kandidat
għall-elezzjonijiet Ewropej inwiegħed li l-kampanja tiegħi tkun mibnija fuq
djalogu b'rispett, politika msejsa fuq l-evidenza u l-politika tan-nies.
Inwiegħed li niġġieled id-diskors ta' mibegħda, il-lingwaġġ patronizzanti u
s-sensazzjonaliżmu vulgari billi nistinka biex inkun aħjar minn hekk. Ejjew
nirrispettaw l-intelliġenza tan-nies permezz ta' politika deċenti.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 28 ta' Ottubru 2018.