Bħala membru
tal-oppożizzjoni r-rwol tiegħi hu li nenfasizza n-nuqqasijiet tal-baġit li huma
importanti wisq biex jiġu injorati.
L-ewwel nett: l-inizjattivi
soċjali pożittivi li semmejt hawn fuq jikkumpensaw għaż-żidiet rapidi fl-għoli
tal-ħajja? Ma naħsibx li jagħmlu dan, meta wieħed iqis iż-żidiet fil-prezzijiet
tal-ikel, il-fjuwil, il-kera, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u bosta prodotti u
servizzi oħrajn.
Tabilħaqq,
Malta bħalissa għaddejja minn sitwazzjoni fejn l-anzjani qed ikollhom jagħmlu
sagrifiċċji żejda biex ilaħħqu maż-żidiet fl-għoli tal-ħajja u fejn għadd
dejjem jiżdied ta' żgħażagħ ma jistgħux isibu l-mezzi meħtieġa biex jissellfu mingħand
bank għax-xiri ta' dar jew biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kera.
Tassew li
l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) hu msejjes fuq mekkaniżmu li l-gvern
jimxi miegħu kif xieraq u li l-gvern iddeċieda li jżid euro ieħor miegħu kull
xahar. Jekk xejn, biż-żieda mal-COLA l-gvern qed jammetti li l-mekkaniżmu mhuwiex
realistiku. Allura ma wasalx iż-żmien li l-gvern u l-imsieħba soċjali jirrevedu
l-kejl tal-COLA permezz ta' metodu miftiehem b'mod reċiproku?
It-tieni nett:
il-baġit iserraħ moħħ in-nies dwar il-kwalità tal-ħajja tagħhom? Għal
darb'oħra, għandi dubji dwar dan. Jidher li l-isfidi ambjentali tal-pajjiż
mhumiex prijorità għal dan il-gvern, li bilkemm semma dan il-qasam kruċjali
fil-baġit u li qal lil gwardjani tal-ambjent bħall-bdiewa li l-kontribut tagħhom
għall-ekonomija huwa minimu.
It-tielet
nett: iċ-ċifri tan-nefqa u d-dħul pubbliċi ma għandux isir skrutinju tagħhom?
Ma naqbilx. Huwa tajjeb li Malta għandha surplus baġitarju iżda ejjew niftakru
li l-investiment kapitali tnaqqas minn 12.1 fil-mija għal 8.5 fil-mija
tan-nefqa bejn l-2013 u l-2017. Barra minn hekk, iċ-ċifri uffiċjali
tal-Eurostat juru li n-nefqa f'oqsma bħall-ħarsien ambjentali, il-ħarsien
soċjali, l-ordni pubbliku u d-djar naqset bejn l-2012 u l-2016.
Dan ifisser li
l-gvern qed jinvesti inqas fil-ħtiġijiet li jmorru lil hinn mill-preżent
immedjat, u li jista' jkun li jkollna nħallsu prezz ogħla għalihom
fil-ġejjieni. U anke fejn in-nefqa kapitali hija kbira, pereżempju l-użu
tal-fondi tal-UE għal proġetti ta' toroq, ta' min nistaqsu jekk humiex qed
jintużaw kif suppost f'termini ta' kwalità, aċċess, sikurezza u inkoraġġiment
ta' mezzi alternattivi ta' trasport.
Il-mistoqsija
li kulħadd qed jistaqsi hija: dan l-investiment ser inaqqas sitwazzjonijiet ta'
paraliżi tat-traffiku, jew qiegħdin inwessgħu t-toroq għas-sodisfazzjon
immedjata tagħna mingħajr ma nindirizzaw l-għeruq taż-żidiet fit-traffiku?
X'ser jiġri ladarba nintebħu li l-proġetti ta' twessigħ ta' toroq ma solvewx
il-problemi ta' traffiku tagħna? Ejjew inżommu f'moħħna wkoll li bankini
aċċessibbli huma bżonn bażiku tal-persuni li jkunu mexjin fit-toroq,
speċjalment persuni anzjani, persuni b'diżabilità, tfal, u ġenituri b'pushchairs.
Id-dħul
pubbliku wkoll ħaqqu skrutinju. Biċċa kbira minnu jiġi mill-bejgħ tal-passaporti.
Huwa ferm dubjuż jekk dan huwiex sostenibbli u jekk għandux sens
għall-ġejjieni, speċjalment meta nqisu li Malta qed issir dipendenti ħafna minn
din il-prattika bi ħsara għad-diversifikazzjoni ekonomika sostenibbli. Barra
minn hekk, hemm nuqqas ta' trasparenza dwar kif qed jintużaw il-fondi li ġejjin
minn dan il-bejgħ.
Tabilħaqq,
jidher li l-muturi ekonomiċi ewlenin tal-gvern huma l-bejgħ tal-passaporti u
l-importazzjoni ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi biex iżidu t-tkabbir ekonomiku.
Il-mistoqsija li kulħadd qed jaħseb dwarha hi jekk dan it-tip ta' tkabbir
huwiex sostenibbli. Dawn iż-żidiet fin-numri qed iwasslu għaż-żidiet kbar
fil-prezzijiet li semmejt qabel, għal nuqqas ta' ugwaljanza soċjali u għal
pressjoni kbira fuq l-infrastruttura ta' Malta. Sadanittant il-Baġit għall-2019
ma jgħid kważi xejn dwar il-ħtiġijiet soċjali ta' għada bħall-pensjonijiet
sostenibbli.
Dawn
huma kummenti li tajt lill-gazzetta It-Torċa