Sunday, October 14, 2018

Proposti għall-baġit 2 - Michael Briguglio



Il-ġimgħa li għaddiet ippreżentajt għadd ta' proposti għall-Baġit li jmiss. Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu marbutin mal-isfidi relatati mal-inflazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar kif ukoll relatati mal-pensjonijiet u l-proprjetà mikrija rispettivament.



Għaldaqstant, semmejt it-talba tal-għaqdiet tal-ħaddiema għal mekkaniżmu tal-COLA (aġġustament għall-għoli tal-ħajja) rivedut u realistiku. L-argument tiegħi kien li ħwejjeġ bażiċi bħall-ikel għandhom jingħataw aktar importanza fil-ġabra ta' prodotti għax jammontaw għal perċentwal akbar min-nefqa ta' persuni bi dħul baxx. Enfasizzajt ukoll il-bżonn li jitħallsu lura l-eluf ta' persuni li qed jaslulhom kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla minħabba mekkaniżmu illegali.



Fl-artiklu tiegħi semmejt ukoll il-ħtieġa għal żidiet deċenti fil-pensjonijiet u l-bżonn ta' dibattitu nazzjonali xieraq dwar pensjonijiet sostenibbli.



Fl-aħħar nett, sħaqt dwar il-ħtieġa li tiġi inkluża assistenza xierqa għal persuni li bħalissa jikru proprjetà jew li biħsiebhom jikru u li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kera, mingħajr ma ssir distorsjoni tas-suq. Din il-proposta hi saħansitra aktar urġenti milli kienet is-sena l-oħra.



Tabilħaqq, fl-analiżi tiegħi tal-Baġit tas-sena l-oħra fit-Times of Malta (16 ta' Ottubru 2017), kont osservajt li ż-żieda fil-ħaddiema barranin kienet qed twassal għal domanda akbar għal proprjetà mikrija u b'hekk kienet qed tgħolli l-prezzijiet tal-kiri, u bħal ħafna oħrajn kont ħerqan għall-pubblikazzjoni ta' white paper dwar il-kera. Sena wara, dan il-white paper għadha ma dehritx.



Illum huwa ċar daqs il-kristall li persuni li qed jgħixu fil-faqar, kif ukoll pensjonanti li mhumiex sidien ta' proprjetà u ħaddiema żgħażagħ għaddejjin minn diffikultajiet kbar biex jixtru jew jikru proprjetà.



Fil-fehma tiegħi, il-gvern għandu jipprova jfassal assistenza lil persuni bħal dawn b'modi li ma jinkoraġġixxux inflazzjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà. Għandu jibda jsir tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza, u nistenna li l-gvern jikkonsulta partijiet ikkonċernati esperti dwar dan. Il-gvern għandu wkoll jgħin indirettament lil persuni li jikru li għandhom dħul baxx billi jappoġġa żidiet fil-pagi u billi jippermetti għamliet iżgħar ta' żvilupp li jħarsu r-regoli u l-istandards tal-ippjanar. Għandhom jiġu infurzati regolamenti sabiex jiġu ddikjarati kirjiet fuq perjodi qosra lil turisti, biex b'hekk, minflok, jiġu inkoraġġiti indirettament kirjiet fit-tul lil residenti regolari.



Barra minn hekk, il-gvern jista' jintroduċi mudelli ta' ftehimiet tal-kiri biex iħeġġeġ prattika tajba, indiċi tal-prezzjiet tal-NSO li juri l-prezzijiet tal-kiri, u mekkaniżmi oħrajn proposti minn esperti tal-politika sabiex għajnuniet lill-inkwilini ma jwasslux għal kirjiet iktar għoljin. Għandhom jiġu introdotti ukoll faċilitajiet sempliċi biex persuni li jikru jkunu jistgħu jikkalkulaw il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tagħhom biex jiġi evitat li jkollhom iħallsu żżejjed, u d-djar soċjali għandhom finalment isiru prijorità nazzjonali.



Il-Baġit għandu wkoll jindirizza tassew il-problemi ambjentali kbar ta' Malta: l-istħarriġ juri li n-nies jaqblu ma' multi ogħla għall-abbużi, u l-gvern għandu d-dmir morali li jiżgura li titħares il-kwalità tal-ħajja tan-nies.



B'rabta ma' dan, huwa importanti li niftakru li filwaqt li jeżistu xi regolamenti ta' infurzar ambjentali f'Malta, dawn jew qatt ma jiġu infurzati jew inkella jistipulaw multi ridikoli, b'tali mod li xi drabi jkun jaqbel lil min iwettaq abbuż li jħallas il-multa u jibqa' jagħmel l-abbuż, bi ħsara għall-ambjent u għall-kwalità tal-ħajja ta' persuni oħra.



Għalhekk, wasal iż-żmien li naraw li Malta jkollha multi xierqa u effettivi li jiġu infurzati għal abbużi ambjentali f'oqsma bħall-kostruzzjoni, l-istorbju, it-tniġġis tal-baħar u s-serq tal-ilma. Il-gvern għandu wkoll jippremja prattika ambjentali tajba bħat-tisbiħ u t-tħawwil ta' siġar u għandu jagħti aktar setgħa lill-kunsilli lokali biex jieħdu ħsieb l-art pubblika.



Il-kwalità tal-ħajja tan-nies tista' titjieb ukoll jekk il-gvern jiddikjara strateġija nazzjonali ta' investiment f'bankini aċċessibbli fi sħubija mal-kunsilli lokali, kif ukoll jekk jiżgura li l-investiment relattivament għoli fit-trasport pubbliku (madwar €30 miljun kull sena, tliet darbiet daqs l-ammont li kien jitħallas lill-Arriva) jiġi rifless f'servizz aħjar, u mhux f'karozzi tal-linja ffullati u vjaġġi li ma tistax toqgħod fuqhom.



Persuni bi dħul baxx jistgħu jiġu megħjuna wkoll billi titneħħa t-taxxa fuq l-overtime, u negozji ta' persuni li jaħdmu għal rashom għandhom igawdu minn rati ta' taxxa aktar baxxi fid-dawl tal-kompetizzjoni sikwit impossibbli ma' kumpaniji akbar li spiss joqogħdu fuq pagi baxxi għall-ħaddiema tagħhom.



Fl-aħħar nett, il-baġit għandu joffri viżjoni ekonomika lil hinn mid-dipendenza dejjem tiżdied ta' Malta fuq il-bejgħ tal-passaporti, fuq kostruzzjoni bla waqfien u fuq strateġiji oħrajn li jistgħu jaħdmu biss għal żmien qasir.



Huma ferm meħtieġa, u mixtieqa, id-diversifikazzjoni, swieq niċċa u investiment akbar fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 14 ta' Ottubru 2018