Sunday, November 18, 2018

Diskors f'Tas-Sliema - Michael Briguglio


Hbieb,

L-ispettru tal-Panama Papers rega’ qiegħed fostna permezz tas-17 Black.

Kos, qegħdin f’sitwazzjoni fejn hu l-aqwa żmien ghall-Keith Schembri u Konrad Mizzi permezz tar-roadmap korrotta tagħhom.

Ejja nqabblu l-miljuni involuti fil-bejgħ ta’ l-assi tal-poplu mal-loqom li qed jingħataw lill-ħaddiema u l-pensjonanti.

Ejja nqabblu s-snin ta’ xogħol u sagriffiċċju li tagħmel persuna ma’ dak li kienu ppjanati li jdaħħlu Schembri u Mizzi kull xahar.

Ejja nqabblu lil dak il-Laburist li qed jistenna li jiġi żgumbrat mill-post fejn joqgħod mal-iffangar ta’ Schembri u Mizzi a skapitu tal-pajjiz u l-partit tagħhom stess.

Biżżejjed inħarsu lejn il-baġit għas-sena d-dieħla.

Il-pensjonant qed jingħata żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.17 minbarra l-ammont ta’ €2.33 mogħti permezz tal-mekkaniżmu COLA.

Kull pensjonant jaf li din iż-żieda ser tispiċċa fix-xejn mal-ewwel ikla jew ħarġa.

Il-ħaddiem qed jingħata kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.33.

Aħseb ftit x’tista’ tixtri bil-kumpens ta’ kull ġimgħa ta’ €2.33: kważi xejn.

Sa dan it-tant il-gvern qiegħed il-ħin kollu jirrepeti l-mantra li l-mekkaniżmu tal-COLA hi msejsa fuq formula li ilha miftiehma mill-1992.

Tassew li dan kien ftehim storiku bejn il-gvern ta’ dak iż-żmien u l-imsieħba soċjali. Iżda nistenna li gvern li tant hu kburi li hu ‘progressiv’ jisma’ l-appelli kontinwi tal-għaqdiet tal-ħaddiema u l-esperti fix-xjenzi soċjali biex jerġa’ jiżen dan il-mekkaniżmu.

Nuqqas ieħor fil-Baġit għall-2019 huwa x-xogħol prekarju.

Tiftakru fis-snin immedjatament qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, meta l-prekarjat kien jidher regolarment fl-istrateġija pubbliċitarja ta’ dik li dak iż-żmien kienet l-oppożizzjoni Laburista?  

Fl-2018, din il-kelma donnha għebet b’xi seħer mil-lingwaġġ Laburista.

Min-naħa l-oħra, l-oppożizzjoni Nazzjonalista u organizzazzjonijiet bħall-UĦM – Voice of the Workers kontinwament qiegħdin jitkellmu fuq il-prekarjat.  U l-UĦM għandhom proposta ta’ min ifaħħarha.

Din tikkonsisti mill-introduzzjoni ta’ portal fuq l-internet għall-pajjiż kollu kontra x-xogħol prekarju. Dan ikun magħmul minn informazzjoni li tkun immedjatament disponibbli għall-awtoritajiet, min iħaddem u l-ħaddiema biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun qed titħares meta jiġi impjegat ħaddiem.

Il-Baġit għall-2019 jaħrab ukoll minn waħda mill-ikbar sfidi soċjali f’Malta llum: il-kera u x-xiri tal-proprjetà.

Tiftakru ż-żmien meta żagħżugh seta jixtri l-propjeta’ tiegħu?

Imbagħad l-aspettattivi kellhom jiċċeknu għall-appartament iżgħar.

Imbagħad li wieħed jikri appartament.

Imbagħad li jaqsam appartament.

Jew inkella jibqa’ jgħix mal-ġenituri mhux għax irid, iżda minħabba li l-prezzijiet għolew wisq– għax issa saħansitra l-alternattiva hi li taqsam kamra jew sodda.

Għax dik hi l-ħolma tal-llum, fl-aqwa żmien: Li ma tispiċċax tgħix f’kamra maqsuma jew f’garaxx.

Għax iva, issa hemm min saħansitra qed jgħix f’garaxx.

L-iżgumbrament qed jiżdied, u jidher li ser ikompli jiżdied fil-futur qrib.

U l-gvern qed ikompli jkaxkar saqajh biex jgħin lil dawk l-iktar fil-bżonn: dawk li qed jgħixu ħajja prekarja, mimlija anzjeta’ dwar fejn ser jispiċċaw jgħixu fil-futur qrib.

Ara lill-Vitals, lill-Cafe’ Premier, lill-klikka ta’ Konrad u Keith, lill-ħbieb tal-ħbieb, lill-Azerbaijan: Hemmhekk il-Gvern għaġġel kemm felaħ biex jaqdihom. U aħna t-taxpayers inħallsu.

Il-Labour wegħdna road map, living wage, politika nadifa u l-aqwa żmien: Minflok, il-valur tal-paga nieżel l-isfel, il-koruzzjoni hija ferventi u l-ħajja ta’ bosta qed issir iktar prekarja.

Huwa dmir tagħna li niktellmu dwar il-weġgħat tan-nies.

U huwa l-obbligu tagħna li nfassalu l-pjan għal gvern alternattiv.

Grazzi
Diskors, każin PN Tas-Sliema, 18 ta' Novembru 2018