Sunday, November 04, 2018

Ir-riforma tal-kunsilli lokali - Michael Briguglio



Iċ-ċittadini ser jingħataw servizz aħjar wara r-riforma tal-kunsilli lokali proposta mill-gvern?



Waħda mill-proposti tal-gvern hija li dan il-livell ta' governanza jibda jissejjaħ gvern lokali, u b'hekk ikun iħaddan fih il-kunsilli lokali u dawk reġjonali. Lil dawn tal-aħħar ġew allokati €3 miljun fil-baġit għas-sena d-dieħla u l-president tagħhom ser jiġi elett mill-kunsillieri lokali.



Il-White Paper tipproponi bidla minn ħames għal sitt kunsilli reġjonali. Ir-raġuni ddikjarata tal-gvern hija biex jissaħħaħ is-sens ta' governanza ġeografika, li jista' jiffaċilita l-għoti ta' kuntratti, l-immaniġġar tas-servizzi u l-applikazzjoni għal fondi tal-UE.



Pereżempju, qiegħed jiġi propost li l-kuntratti tal-immaniġġar tal-iskart jingħataw fuq livell reġjonali, biex b'hekk fit-teorija jsiru possibbli ekonomiji ta' skala u koordinazzjoni aħjar. Madankollu, il-White Paper ma tgħidilniex jekk ir-reġjuni humiex qed jiġu organizzati b'mod li jiffavorixxi maġġoranzi reġjonali Laburisti u għaldaqstant l-elezzjoni aktar faċli ta' presidenti Laburisti.



Il-gvern qiegħed jipproponi wkoll li tingħata assistenza aħjar lill-kunsilli lokali fi kwistjonijiet bħall-fondi tal-UE, ir-riċerka skolastika dwar temi reġjonali u r-riċerka u r-rispons b'rabta mal-ilmenti tar-residenti. Jekk din l-assistenza tiġi applikata sew, tista' tgħin biex isir tfassil ta' politika msejjes fuq l-evidenza.



Il-kunsilli lokali ser ikunu jistgħu wkoll jimpjegaw persuni mingħajr awtorizzazzjoni mingħand il-ministru rispettiv u jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema permezz ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Iżda, fl-istess waqt, il-White Paper mhi qed tipproponi xejn biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom.



Fost il-proposti l-oħrajn li jissemmew fil-White Paper hemm responsabilitajiet akbar għall-kunsilli lokali fl-qasam soċjali u f'dak edukattiv, fl-integrazzjoni, fl-amministrazzjoni u fil-komunità. Filwaqt li dawn huma proposti siewja, uħud minnhom diġà huma fis-seħħ, u jsir progress fihom kieku l-gvern ireġġa' lura t-tendenza li jiċċentralizza s-setgħa f'idejn il-ministri.



Kont nistenna wkoll li l-gvern jappoġġa d-devoluzzjoni tal-art bħal pereżempju parkeġġi pubbliċi, li f'bosta minnhom bħalissa jintalbu 'tips' privati illegali. Immaġinaw kieku, minflok, dan id-dħul ikun jista' jintuża għal bżonnijiet lokali.

Il-White Paper tonqos milli tagħraf li l-awtorità tal-kunsilli lokali fuq it-toroq prattikament ittieħdet għalkollox mill-gvern. Tabilħaqq, l-immaniġġar tat-traffiku u l-bankini aċċessibbli anqas biss jissemmew fid-dokument.



Fuq nota pożittiva, l-anzjani jissemmew għadd ta' drabi. Eżempju minn dawn huwa l-assistenza lill-kunsilli lokali għal proġetti marbutin ma' din id-demografika. Is-solitudni, l-għoli tal-ħajja, l-esklużjoni soċjali, l-aċċessibilità u l-mard huma kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-anzjani llum il-ġurnata.



Sadanittant, il-gwardjani lokali issa ser jibdew jissejħu uffiċjali tal-komunità u ser ikollhom rwol li ser ikun aktar edukattiv milli dixxiplinarju b'rabta mal-kontravenzjonijiet. Iżda l-White Paper tonqos milli tirrikonoxxi li l-gwardjani lokali ġew iċċentralizzati fi ħdan dipartiment tal-gvern, u dan ifisser li l-kunsilli għandhom inqas setgħa f'deċiżjonijiet dwar dan il-persunal.



Ninsab ukoll diżappuntat li s-sittax-il kumitat amministrattiv li nħolqu fl-2010 ser jitneħħew. Il-gvern qed jikkritika l-mod kif jaħdmu u minflok qed jipproponi l-faċilità li jitwaqqfu sottokumitati. Jekk wieħed jestendi dan ir-raġunament, anke xi kunsilli lokali mhumiex qed jaħdmu sew, iżda hu f'idejn l-elettorat li jiġġudika. Għaliex ma għandux jiġri l-istess għall-kumitati amministrattivi?



Fost il-kwistjonijiet li għadhom ma ssolvewx hemm il-mistoqsijiet dwar jekk is-sindki għandux ikollhom rwol full-time, jekk għandux ikollhom mandat massimu ta' tliet leġislaturi u jekk il-persuni ta' sittax-il sena li jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jistgħux isiru sindki. B'rabta ma' dan kollu, nisħaq li l-partiti jaħdmu biex dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali jittieħdu b'kunsens bejn il-partiti kollha mingħajr partiġġjaniżmu.



Suġġetti oħrajn neqsin mill-White Paper huma s-sigurtà u ż-żamma tal-ordni fil-komunitajiet. Kont nistenna wkoll li l-White Paper tagħti prominenza lill-finanzjament tal-kunsilli. B'rabta ma' dan, l-Oppożizzjoni kienet ipproponiet soluzzjonijiet mingħajr żidiet fit-taxxi, bħat-trasferiment ta' xi dħul mis-servizzi tal-gvern u t-turiżmu għall-kunsilli.



Fl-aħħar nett, il-White Paper ma twettaqx skrutinju tal-mod kif qiegħed jiġi amministrat il-fond nazzjonali għall-iżvilupp urban. Ftit jiem ilu, One News irrappurtaw li ammont sostanzjali ta' €28 miljun huwa disponibbli fi ħdan dan il-fond biex jintuża mill-kunsilli. Issa rriżulta li €7 miljun ittieħdu minn sitt kunsilli lokali, u l-kunsilli lokali ma ġewx ikkonsultati dwar dan. Dan hu eżempju inaċċettabbli ta' kif il-gvern Laburista qiegħed jisraq flus il-kunsilli u jiċċentralizza s-setgħa f'idejn il-ministri.




Dan l-artiklu deher fil-Mument, 4 ta' Novembru 2019