Sunday, November 25, 2018

L-isfida fil-qasam tad-djar – Michael Briguglio


Il-Prim Ministru Joseph Muscat dan l-aħħar qal li f’Malta 80 fil-mija tan-nies huma sidien tad-dar tagħhom, u ta dan bħala eżempju tas-suċċessi ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà tagħna.

Iżda dan l-aħħar iltqajt ukoll ma’ statistika oħra, li tgħid li dejjem qiegħdin jiżdiedu n-nies f’Malta li qed jitkeċċew mill-postijiet li jkunu qed jikru.

Dan tħabbar waqt konferenza dwar il-white paper għar-riforma tal-kera li saret l-Università ta’ Malta, li ġiet organizzata flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Djar. Hemm ħtieġa kbira li din l-istatistika tiġi elaborata u investigata. Pereżempju, min qiegħed jitkeċċa? Fejn qed imorru jgħixu dawn in-nies wara li jitkeċċew?

Malta teħtieġ ukoll statistika u data kwalitattiva oħra dwar l-isfida fil-qasam tad-djar. Pereżempju, kemm żgħażagħ qed jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom mhux għax iridu iżda frott il-bżonn, minħabba spejjeż projbittivi għall-akkomodazzjoni u d-diffikultà li jissellfu mill-bank? Kemm hawn nies jgħixu f’garaxxijiet? Min huma?

Tabilħaqq, hu ironiku li sa ftit snin ilu l-ħolma ta’ bosta f’Malta kienet li jixtru dar li tirrifletti l-istil ta’ ħajja tagħhom, iżda l-ħolma tal-lum hi li ma jispiċċawx jgħixu f’garaxx jew jaqsmu kamra ma’ xi ħadd. Biex ma nsemmux min qed jaqsam sodod f’appartamenti ffullati.

M’inix ngħid li ma hawnx għadd konsiderevoli ta’ persuni li sejrin relattivament tajjeb. Tabilħaqq, b’riżultat tal-politika tal-gvern Laburista li jillaxka r-regoli tal-ippjanar, ħafna setgħu jibnu sulari żejda fuq il-proprjetà tagħhom u jaqilgħuha tajjeb mill-kera. Lil dawn nixtiqilhom il-ġid, iżda ma nistgħux ninsew it-tbatija tal-bosta li ma għandhomx proprjetà, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet dejjem akbar biex ilaħħqu mal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni.

Dan iwassalna għas-suġġett tal-politika dwar id-djar illum. Ħa nkun ċar: nemmen li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes u l-kap tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mackay għandhom l-aqwa intenzjonijiet u qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħinu lin-nies fid-diffikultajiet marbutin mad-djar. Jien wieħed minn dawk li lesti nikkooperaw magħhom biex ngħinu lill-persuni fil-bżonn.

Iżda ninsab ukoll ferm diżappuntat li fl-“aqwa żmien” Malta hi kkaratterizzata minn għadd kbir ta’ persuni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar, u li l-gvern Laburista għadu relattivament lura fil-kostruzzjoni ta’ djar soċjali meta mqabbla mal-għaġla tiegħu biex iwessa’ t-toroq mingħajr permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, biex iħallas lill-Vitals u jagħmel ħafna ftehimiet minn wara l-kwinti, u biex jgħaġġel biex jimplimenta politika korrotta tal-enerġija minn fuq dahar min iħallas it-taxxa.

Dan huwa l-“aqwa żmien” meta r-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta qed tiżdied kull xahar, u fejn il-pagi mhumiex jiżdiedu daqs l-għoli tal-ħajja. F’dinja ta’ politika ideali, il-kera għandha tkun madwar 20 fil-mija tad-dħul ta’ persuna. Mur għid dan lill-persuni mill-klassi tal-ħaddiema jew mill-klassi medja li qed jipprovaw jikru post illum il-ġurnata: l-istess nies li ġew imwiegħda paga li tiggarantixxi l-għajxien mill-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni.

Tabilħaqq, jien tal-fehma li l-problema tad-djar f’Malta ma tistax tinfired mir-realtà li l-pagi huma ġeneralment baxxi. Il-kera kienet artifiċjalment baxxa għax is-suq kien inattiv għal ħafna snin. Issa qed jerġa’ jieħu l-ħajja bis-saħħa ta’ bidliet leġiżlattivi taħt amministrazzjonijiet differenti u l-influss reċenti ta’ ħaddiema barranin.

Ma għandi xejn kontra dawn il-ħaddiema, iżda studju bażiku tal-ekonomija jgħallimna li żieda fid-domanda għal prodott x’aktarx tgħolli l-prezz jekk il-provvista ma tiżdiedx ukoll.

Għalhekk, għalkemm hi ħaġa tajba li l-gvern fl-aħħar fetaħ id-diskussjoni billi nieda l-white paper dwar il-kera, huwa ċar daqs il-kristall li l-istess gvern għaġġel wisq fil-politika ekonomika tiegħu u ma bassarx il-konsegwenza mhux maħsuba taż-żieda kbira fil-prezzijiet tad-djar.

Il-white paper tikkonċentra fil-biċċa l-kbira tagħha fuq soluzzjonijiet aktar fit-tul, u dawn jistħoqqilhom dibattitu kalm li ma jkunx partiġġjan u, idealment, kunsens. Iżda ejjew niftakru li l-persuni li qed jiffaċċaw tkeċċija mill-post li qed jikru, dawk li qiegħdin jgħixu f’garaxxijiet, u dawk li qed jaqsmu appartamenti, kmamar jew sodod għandhom bżonn soluzzjonijiet immedjati għas-sitwazzjonijiet personali tagħhom.

U jeħtieġ li lanqas ma ninsew lill-adulti li qed jgħixu ma’ membri oħrajn ta’ familthom għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, it-3,300 applikant għal akkomodazzjoni soċjali u s-600 applikant għal bidla fl-akkomodazzjoni soċjali minħabba l-kundizzjonijiet mhux adegwati li qed jgħixu fihom bħalissa.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 25 ta' Novembru 2018