Sa issa, żgur li l-qarrejja
kollha ltaqgħu ma’ riklami tal-gvern dwar il-Baġit għall-2019. Sew jekk
fil-gazzetti, fuq it-televiżjoni, fuq ir-radju u sew jekk fuq l-internet,
donnhom dawn ir-riklami qed iħarsu lejna minflok aħna qed inħarsu lejhom. Wieħed
jistaqsi kemm il-gvern qed jonfoq fuq din il-propaganda.
Fit-taħriġ tiegħi bħala
soċjologu, tgħallimt li meta nanalizzaw id-diskors, huwa importanti mhux biss
li naqraw dak li qed jingħad iżda wkoll li ngħarbluh biċċa biċċa u nidentifikaw
fejn hemm nuqqasijiet f’dak id-diskors. Tabilħaqq, nemmen li l-Baġit għall-2019
għandu numru sew ta’ nuqqasijiet. F’dan l-artiklu, ser nenfasizza xi
kwistjonijiet marbutin mal-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.
L-ewwel nett, il-Baġit
għall-2019 ma jgħid kważi xejn dwar ir-riforma tal-pensjonijiet. Hu veru li
l-pensjonanti qed jingħataw żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.17 minbarra
l-ammont ta’ €2.33 mogħti permezz tal-mekkaniżmu COLA. Iżda kull pensjonant
jgħidlek li din iż-żieda ser tispiċċa fix-xejn mal-ewwel ikla jew ħarġa.
Sadanittant, qiegħdin ngħixu
f’soċjetà li qed issir iktar anzjana, u dan ifisser li l-għadd ta’ persuni
eliġibbli għall-pensjoni ta’ l-anzjanita’ x’aktarx jiżdied b’mod sostanzjali
fis-snin li ġejjin. Il-gvern qed jagħti xi inċentivi lil dawk li għandhom
il-mezzi biex ikollhom pensjonijiet privati iżda ma għandux wisq ideat oħra
f’dan il-qasam.
Nemmen li l-gvern kien ikun
aktar responsabbli kieku għallinqas qabel li jiddiskuti jekk il-mudell ta’
pensjonijiet fis-seħħ bħalissa huwiex sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien.
Il-gvern jista’ jaċċerta lil persuni li għandhom inqas minn 45 sena li
l-kontribuzzjonijiet tal-bolla tagħhom ser jagħtuhom pensjonijiet deċenti?
B’rabta mal-aġġustamenti
għall-għoli tal-ħajja, il-gvern qiegħed il-ħin kollu jirrepeti l-mantra li dawn
huma msejsa fuq formula li ilha miftiehma mill-1992. Tassew li dan kien ftehim
storiku bejn il-gvern ta’ dak iż-żmien u l-imsieħba soċjali. Iżda nistenna li
gvern li tant hu kburi li hu ‘progressiv’ jisma’ l-appelli kontinwi tal-għaqdiet
tal-ħaddiema u l-esperti fix-xjenzi soċjali biex jerġa’ jiżen dan
il-mekkaniżmu.
Il-basket ta’ prodotti li titqies
f’dan il-mekkaniżmu tassew qed tirrappreżenta x-xejriet ta’ konsum tal-lum?
Aħseb ftit x’tista’ tixtri bil-kumpens ta’ kull ġimgħa ta’ €2.33: kważi xejn.
Meta naqraw il-materjal
pubbliċitarju tal-gvern dwar is-sensiela ta’ inizjattivi baġitarji, għandna
naraw ukoll jekk humiex qed jinvestu f’forza tax-xogħol aktar b’saħħitha: forza
tax-xogħol mgħammra biex tħabbat wiċċha mal-opportunitajiet u r-riskji
fis-soċjetà likwida tal-lum; forza tax-xogħol li għandha l-ħila taffaċċa
l-konsegwenzi mhux magħrufa u mhux intenzjonati tat-tfassil tal-politika.
B’rabta ma’ dan, il-Baġit għall-2019 ma jgħidx wisq fuq l-importanza ta’ miżuri
kwalitattivi bħall-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u li jkollna
politika sostenibbli li tiskoraġġixxi t-tluq kmieni mill-iskola. Dan hu
saħansitra aktar importanti meta nqisu d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli
ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol Malti. Ejjew niftakru li setturi bħat-turiżmu
m’għadhomx jitqiesu bħala possibilitajiet għal karriera, speċjalment għax
sikwit qed ikunu kkaratterizzati minn tellieqa sal-qiegħ permezz ta’ xogħol
irħis.
Opportunitajiet ‘aktar ġodda’
bħal dawk fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġu wkoll
investiment aktar intelliġenti biex l-istudenti u l-ħaddiema jitħeġġu jieħdu
opportunitajiet, rispettivament, ta’ studju u ta’ taħriġ.
Nuqqas sinifikanti
fid-diskors tal-Baġit għall-2019 huwa x-xogħol prekarju.
Nistieden lill-qarrejja jiftakru
fis-snin immedjatament qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, meta l-prekarjat
kien jidher regolarment fl-istrateġija pubbliċitarja ta’ dik li dak iż-żmien
kienet l-oppożizzjoni Laburista. Fl-2018, din il-kelma donnha għebet b’xi seħer
mil-lingwaġġ Laburista.
Min-naħa l-oħra,
organizzazzjonijiet bħall-UĦM – Voice of the Workers kontinwament qiegħdin
jitkellmu fuq il-prekarjat, u r-retorika tagħhom hi mirfuda minn proposta ta’
politika ta’ min ifaħħarha.
Din tikkonsisti mill-introduzzjoni
ta’ portal fuq l-internet għall-pajjiż kollu kontra x-xogħol prekarju. Dan ikun
magħmul mir-rekwiżiti standardizzati għall-kuntratti ta’ xogħol skont
il-leġiżlazzjoni attwali u d-data li jkun fih tkun immedjatament disponibbli
għall-awtoritajiet, min iħaddem u l-ħaddiema biex jiġi żgurat li
l-leġiżlazzjoni tkun qed titħares.
Il-Baġit għall-2019 jaħrab
ukoll minn waħda mill-ikbar sfidi soċjali f’Malta llum: il-kera u x-xiri
tal-proprjetà. Iżda ser nikteb f’aktar dettall dwar dan f’artiklu ieħor.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 18 ta' Novembru 2018