Hu aktar diffiċli li persuna tkampa mad-dipressjoni jew
l-ansjetà fi żmien il-festi. Paradossalment, fi żmien meta l-familji u l-ħbieb
jiltaqgħu biex jifirħu, xi persuni ikollhom sens ikbar ta’ iżolament soċjali u
jħossuhom saħansitra aktar waħedhom.
Kif spjega s-soċjologu Max Weber mitt sena ilu, hu
importanti li nifhmu t-tifsiriet li l-persuni jagħtu lid-dinja soċjali tagħhom.
U s-solitudni u s-saħħa mentali huma żewġ temi li jistħoqqilhom li nifhmuhom
aħjar.
Pereżempju, hu importanti li nifhmu li s-soċjetà mhijiex
magħmula biss mill-persuni u l-identitajiet li aħna mdorrijin naqraw dwarhom u
naraw fil-mezzi tax-xandir iżda wkoll minn firxa wiesgħa ta’ oħrajn li jistgħu
jkunu aktar vulnerabbli għas-solitudni u għal sfidi ta’ saħħa mentali.
Fost dawn jista’ jkun hemm pensjonanti ġodda li ma
jħossuhomx lesti jħabbtu wiċċhom ma’ ħajja ġdida wara għexieren ta’ snin ta’
xogħol; persuni barranin mingħajr familja jew ħbieb; persuni ansjużi fuq il-bidliet
personali, fil-familja tagħhom u soċjali li jkunu qed iseħħu madwarhom; vittmi
ta’ bullying, razziżmu, tgħajjir, sessiżmu u forom oħra ta’ diskriminazzjoni;
persuni li jħossuhom esklużi, u persuni li jista’ jkun li qas ikunu konxji
mill-qagħda mentali tagħhom.
Il-lista tista’ tkompli.
Nuża l-kelma ‘persuni’ bi ħsieb għax inħoss id-dmir
soċjoloġiku li nisħaq li kultant anke dawk assoċjati mas-saħħa u s-setgħa
jistgħu jkunu dgħajfa, waħedhom u fraġli, u fost dawn jista’ jkun hemm ukoll
irġiel eterosesswali li spiss jiġu deskritti bħala l-oppost ta’ dan.
It-tfassil tal-politika għall-ugwaljanza bejn is-sessi
jeħtieġ li jqis dan fl-isforz għal soċjetà aktar inklużiva.
Tabilħaqq, it-tfassil ta’ politika għandu jibni fuq
stejjer ta’ suċċess f’oqsma oħrajn u jipprova jintegra kwistjonijiet
bħas-solitudni u s-saħħa mentali. Iż-żewġ suġġetti sikwit jiġu ttrattati bħala
tabù, pereżempju meta persuna ma tfittixx għajnuna professjonali jew ma
titkellimx dwar l-ansjetà u s-solitudni tagħha minħabba l-mistħija.
Iżda l-istatus ta’ tabù wkoll kien ta’ xkiel f’oqsma oħra
bħad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, u Malta tassew imxiet ‘il quddiem f’dan
il-qasam.
L-edukazzjoni, il-mezzi tax-xandir, il-politiċi u
s-soċjetà ċivili lkoll għandhom rwol x’jaqdu biex dawn il-kwistjonijiet isiru
aktar viżibbli. Xi wħud diġà qed jagħmlu dan u jistħoqqilhom aktar appoġġ.
Il-kwistjoni tas-solitudni u s-saħħa mentali tmur lil
hinn mill-firdiet ideoloġiċi u partiġġjani u tista’ tiġi indirizzata wkoll
b’għamliet differenti ta’ governanza.
Dawn jistgħu jinkludu l-kontribut tas-settur pubbliku,
dak privat u dak tal-volontarjat kif ukoll l-għoti ta' setgħa lill-persuni
nfushom billi titrawwem l-etika tal-importanza li persuna tieħu ħsieb tagħha
nnifisha. Il-mezzi soċjali, l-iskejjel, il-kunsilli lokali u opportunitajiet
ta’ tagħlim tul il-ħajja jistgħu jagħmlu possibbli l-bini ta’ komunitajiet
aktar b’saħħithom li jkunu aktar sensittivi għal dawn l-isfidi.
Barra minn hekk, dixxiplini bħas-soċjoloġija,
il-lingwistika, l-istudji tat-traduzzjoni, il-psikoloġija, il-psikjatrija,
il-ħidma soċjali u l-counselling huma essenzjali biex ikun hemm professjonisti
soċjali li jkunu jistgħu jaħdmu f’dawn l-oqsma.
Forsi tkun riżoluzzjoni tajba tal-Ewwel tas-Sena
għall-partijiet interessati fl-isfera pubblika ta’ Malta li jibdew iħarsu lil
hinn minn kwistjonijiet sensazzjonali li jaqilgħu l-iktar likes u l-akbar għadd
ta’ kummenti sensazzjonalisti.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 23 ta' Diċembru 2018