Dan l-aħħar
kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ Mark Vella mill-Prison Fellowship Malta,
waħda mill-għadd żgħir ta’ organizzazzjonijiet li huma involuti fil-ħidma għall-ġid tal-ħabsin. Hija affiljata ma’ Prison
Fellowship International, organizzazzjoni reliġjuża li taħdem biex tgħin
fil-ħtiġijiet psikosoċjali u spiritwali tal-ħabsin.
Ilha attiva għal
dawn l-aħħar 25 sena u għandha diversi funzjonijiet.
Waħda minnhom
hija żjarat lil ħabsin li ma għandhom lil ħadd iżurhom fil-ħabs. Oħra, l-Angel
Tree Club tagħha, tinvolvi għajnuna lit-tfal li għandhom ġenituri l-ħabs. Hija
involuta wkoll f’laqgħat spiritwali fil-ħabs, kampanji edukattivi fost tfal
tal-iskola u studenti għall-prevenzjoni tal-kriminalità, id-donazzjoni ta’
affarijiet lill-ħabsin u l-iżgurar li jittieħed ħsieb ta’ dawk li joħorġu
mill-ħabs. Il-Prison Fellowship tilqa’ wkoll lill-voluntiera li jixtiequ
jingħaqdu mal-missjoni tagħha.
Biex nagħrfu
l-valur ta’ dawn l-inizjattivi, irriu ninvestigaw il-kuntest usa’ tal-politika
dwar il-ħabsijiet f’Malta.
Pereżempju, kif
inhuma l-affarijiet bħalissa, prattikament ma tingħata ebda għajnuna lil dawk
li kienu ħabsin meta dawn joħorġu mill-ħabs biex iħabbtu wiċċhom ma’ dinja ġdida
bħala individwi iżolati u waħidhom. Dan qaluhuli bosta professjonisti fil-qasam
tul dawn l-aħħar snin u kien ukoll sejba ewlenija ta’ teżi tas-soċjoloġija li
kont superviżur tagħha xi snin ilu.
Biss ftit jiem
ilu, l-għada tal-Milied,
l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali TVM ġibed l-attenzjoni għal din
il-problema permezz tal-istorja ta’ Roderick Brincat, li, wara li temm
is-sentenza tiegħu ta’ ħames snin u nofs ħabs, ma kellu mkien fejn imur. Hu qal
li kien hemm mumenti fejn xtaq imur lura l-ħabs biex għallinqas ikollu fejn
jistkenn.
Hu ħareġ
mill-ħabs seba’ snin ilu iżda għad ma għandux fejn jgħix u għadu jbati l-ġuħ.
Jittama li l-lezzjonijiet tal-arti li ngħata fil-ħabs ser jgħinu biex jagħtuh
is-setgħa jibni ħajja aħjar, iżda dan hu diffiċli.
Malta ma tistax tippermetti
li xi ex-ħabsin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, li oħrajn jispiċċaw bla flus, u
li xi wħud saħansitra jispiċċaw jiddependu minn netwerks ta’ kriminalità għax
ma għandhom imkien iżjed fejn iduru.
Dan jispjega
parzjalment ir-rata ferm għolja ta’ reċidiviżmu fil-ħabsijiet ta’ Malta, fejn
huwa rrappurtat li madwar 66 fil-mija tal-persuni li qegħdin il-ħabs bħalissa
diġà kienu skontaw sentenza ta’ ħabs qabel, waħda mill-ogħla rati fid-dinja, u
fejn 17 fil-mija ta’ dawk li xi darba kienu l-ħabs huma reċidivisti, bl-aktar
raġuni komuni għal dan tkun l-abbuż mid-droga, u warajha in-netwerks soċjali
tagħhom.
Huwa importanti
wkoll li nkunu konxji li l-istudji jikkonfermaw li l-kriminalità
interġenerazzjonali hi kemxejn komuni f’Malta. Din hi imġiba kriminali li
tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra fi ħdan l-istess familja.
Sadanittant,
il-gvern ippropona riforma tal-ħabsijiet, li tinkludi l-kunċett ta’ sistema ta’
privileġġi miksuba u tagħti drittijiet lill-ħabsin skont l-imġiba tagħhom.
Filwaqt li naqbel li r-responsabilità tal-persuna għandha titqies fil-politika
dwar il-ħabsijiet, id-drittijiet bażiċi tal-ħabsin dejjem għandhom jiġu
ggarantiti, u s-sistema ta’ premji għandha tkun trasparenti, tiġi analizzata
b’mod indipendenti u tkun tassew meritokratika.
Barra minn hekk,
l-ammont mogħti lill-ħabsin għandu jiġi mistħarreġ biex jiġi żgurat li jkun
tassew biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom mill-ewwel
jum tagħhom fil-ħabs.
Nemmen ukoll li
l-investiment fil-politika tal-prevenzjoni tal-kriminalità għandu jiżdied u
jkun aktar imsejjes fuq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħabsin. Għandha
tingħata prijorità kemm lill-edukazzjoni akkademika kif ukoll dik vokazzjonali
flimkien ma’ ħiliet bażiċi tal-ħajja bħal kif tkun ġenitur tajjeb u kif
timmaniġġa l-flus. Għandha ssir aktar enfasi fuq l-isport u x-xogħol imħallas,
u jeħtieġ li jingħata aktar valur lill-ħidma ta’ prattikanti fil-qasam, fosthom
ħaddiema professjonali, akkademiċi u voluntiera.
Problema oħra li
qed tikber hi ż-żieda fl-għadd ta’ ħabsin barranin li ma jkollhom ebda rabtiet
soċjali f’Malta. Xi wħud ma jitkellmu la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż u jkunu
prattikament waħidhom fil-ħabs. L-għajnuna minn voluntiera ta’ rieda tajba li
jkunu lesti jqattgħu ħin ma’ dawn il-ħabsin għandha tkun forma apprezzata ta’
integrazzjoni soċjali.
Fl-aħħar
mill-aħħar is-suċċess tas-sistema tal-ħabsijiet ta’ Malta tiddependi minn x’tip
ta’ ħabs nixtiequ li jkollna. Għandu jkun sempliċiment post ta’ kastig, jew
għandu jgħin lill-ħabsin jirriformaw rwieħhom, u b’hekk jgħinhom isiru
ċittadini aħjar li jistgħu jintegraw fis-soċjetà ladarba jkunu pattew għal
għemilhom? Jien nemmen fit-tieni alternattiva, u għal din ir-raġuni
nirringrazzja lil organizzazzjonijiet bħall-Prison Fellowship għall-ħidma
altruwista tagħhom fil-qasam. Nappella lill-qarrejja biex jagħtu daqqa t’id lil
dawn l-organizzazzjonijiet, anke permezz ta’ donazzjoni żgħira.
(Iktar
informazzjoni tista’ tinkiseb minn https://www.facebook.com/prisonfellowshipmalta/ )
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 6 ta' Jannar 2019