Mhux ironiku li, filwaqt li l-gvern qiegħed jikkunsidra riforma
tal-leġiżlazzjoni dwar il-kera, ħadd ma jaf kemm jeżistu proprjetajiet battala
f'Malta?
L-unika informazzjoni eżistenti li nistgħu noqogħdu fuqha ġejja
miċ-ċensiment nazzjonali tal-2011. Meta nneħħu l-proprjetà li tintuża staġonalment
- pereżempju l-villeġġaturi tas-sajf - Malta dak iż-żmien kellha madwar 41,000
proprjetà battala.
Imma minn dak iż-żmien 'l hawn ma ġiet ippubblikata ebda data uffiċjali
oħra, minkejja l-bidliet li seħħu fis-settur Malti tad-djar. Dawn kienu
marbutin mill-qrib ma' bidliet ekonomiċi u soċjali.
Dak iż-żmien Malta kien qed ikollha suċċess relattiv billi jirnexxielha
tegħleb il-kriżi ekonomika dinjija iżda llum hija minn ta' quddiem fit-tkabbir
ekonomiku, sitwazzjoni li tista' terġa' tinbidel fis-snin li ġejjin.
Fl-2011, il-kostruzzjoni kellha rwol importanti fil-politika ekonomika
ta' Malta, iżda issa qiegħda fil-qalba tal-pjanijiet tal-gvern, kemm
direttament kif ukoll indirettament. Il-gvern qiegħed iħeġġeġ l-iżvilupp ta'
proġetti kbar, ibigħ il-passaporti u jimporta eluf ta' ħaddiema u l-familji
tagħhom. Anke f'dan, is-sitwazzjoni tista' tinbidel fis-snin li ġejjin, kemm
permezz tal-politika interna iżda wkoll minħabba konsegwenzi mhux maħsuba jew
fatturi esterni.
Sadanittant, kellu jkun student tal-Università ta' Malta, Dario
Cacopardo, li jirrakkomanda fit-teżi tiegħu li qabel il-gvern jibda jaħdem fuq
politika ġdida dwar id-djar, għandu jaġġorna l-informazzjoni tiegħu. Jien
nixtieq nuri l-appoġġ tiegħi għall-fehmiet ta' Cacopardo.
Tabilħaqq, Malta teħtieġ aktar tfassil ta' politika msejjes fuq
l-evidenza f'kull qasam.
Naturalment, il-gvern jista' jargumenta li s-sitwazzjoni attwali
fil-qasam tad-djar titlob miżuri urġenti, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet
tal-kera. Iżda kif sħaqt f'din il-gazzetta, l-abbozz ta' white paper tal-gvern
ma jindirizzax tassew il-kwistjonijiet immedjati.
Forsi l-prudenza titlob żewġ fergħat ta' tfassil ta' politika f'dan
il-qasam: waħda għal miżuri immedjati fuq medda qasira ta' żmien li jolqtu lil
dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma' emerġenzi ta' akkomodazzjoni, u waħda għal
miżuri fuq medda itwal ta' żmien biex tingħata prijorità lis-sostenibilità,
l-ugwaljanza, l-effiċjenza u l-ġustizzja soċjali fis-settur.
Sadanittant, il-gvern jista' jikkummissjona riċerka soċjo-xjentifika
xierqa biex jgħodd, jikkategorizza u jinterpreta l-istokk attwali u futur ta'
akkomodazzjoni f'Malta. Nistgħu nkunu kważi ċerti li l-proprjetajiet battala
naqsu mill-2011, iżda din is-suppożizzjoni waħidha ma tagħtiniex biżżejjed
evidenza għal tfassil ta' politika sostenibbli.
Lanqas ma jagħtuna biżżejjed evidenza suppożizzjonijiet ferm importanti
oħrajn li Cacopardo jiġbed l-attenzjoni għalihom fir-riċerka tiegħu.
Pereżempju, jiddikjara li bosta proprjetajiet battala qodma jinsabu
madwar il-Port il-Kbir iżda mhumiex qed jinbigħu, filwaqt li proprjetajiet
ġodda jinbigħu ferm aktar faċilment. Raġuni waħda għal dan hi li diversi proprjetajiet
qodma kkonċernati huma regolati permezz ta' sistemi qodma ta' kiri u ġew
abbandunati.
Il-manutenzjoni jew ir-restawr tagħhom jiswa ħafna flus, u dan iwassal
biex ikomplu jiddeterjoraw. Minbarra dan, meta dawn il-proprjetajiet ikunu soġġetti
għal proċedimenti fil-qorti, dawn jistgħu idumu eternità biex jissolvew,
minkejja riformi tajbin introdotti mill-gvern biex jiffaċilita l-bejgħ ta'
proprjetajiet bħal dawn.
Barra minn hekk, jeżisti nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet marbutin
mal-manutenzjoni jew ir-restawr ta' bini, tant li bosta ħaddiema barranin
qegħdin jiġu importati għal din ir-raġuni. Rajt eżempji relatati b'għajnejja
stess, pereżempju fi djar soċjali qodma tal-gvern, li kellhom bżonn
il-kostruzzjoni ta' lifts, iżda din kienet tista' ssir biss ladarba jkunu
disponibbli l-ħaddiema. Fl-istess waqt, ir-residenti jħabbtu wiċċhom ta' kuljum
ma' problemi ta' mobilità u aċċessibilità.
Inċidentalment, Cacopardo jenfasizza li ħadd ma jaf kemm proprjetajiet huwa
sid tagħhom il-gvern, aħseb u ara l-qagħda attwali tagħhom.
Rakkomandazzjonijiet bħal dawn huma importanti għal għadd ta'
raġunijiet. L-ewwel nett, jirreferu għal sfidi reali li qed jaffaċċaw diversi gruppi
kkonċernati f'Malta: mis-sidien tal-proprjetà għal dawk li jikru, minn dawk li
jfasslu l-politika għall-aġenti tal-proprjetà u mill-akkademiċi għall-ħaddiema.
It-tieni nett, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkonfermaw l-importanza
tar-riċerka li titwettaq fl-Università ta' Malta u istituzzjonijiet akkademiċi
oħrajn. Dawn mhumiex sempliċiment fabbriki li jipproduċu l-ħaddiema, iżda aktar
minn hekk huma ċentri ta' għarfien li jipprovdu mistoqsijiet u tweġibiet
importanti.
It-tielet, rakkomandazzjonijiet bħal dawn jipprovdu l-pedamenti li
fuqhom nibnu d-deliberazzjoni politika u, fejn possibbli, il-kunsens dwar
tfassil ta' politika hekk importanti.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 13 ta' Jannar 2019