Ir-residenti jibbenefikaw minn proġetti ta’
żvilupp enormi li jikkummerċjalizzaw art pubblika? Il-bilanċ pożittiv baġitarju
ta’ Malta qed jolqot lil gruppi soċjali differenti bl-istess mod? Il-koeżjoni
soċjali qiegħda tingħata l-importanza li jistħoqqilha fil-proċess ta’ politika
f’Malta? Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li jixirqilhom riċerka msejsa fuq
l-evidenza permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt soċjali (social impact assessments).
F’artikli oħra f’din il-gazzetta semmejt il-bżonn
li jiġu evalwati l-impatti soċjali ta’ proġetti ta’ żvilupp. Fid-dawl
tal-mudell ekonomiku Malti bħalissa, inħoss li llum il-ġurnata l-ħtieġa għal
evidenza bħal din hija akbar minn qatt qabel f’oqsma ta’ politika differenti.
Qabelxejn, jista’ jkun li xi qarrejja mhumiex
familjari ma’ dan it-terminu. Valutazzjoni tal-impatt soċjali tanalizza
l-effetti soċjali tal-iżvilupp u l-bidla soċjali, kemm dawk maħsubin kif ukoll
dawk li ma jkunux.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Valutazzjoni
tal-Impatt tiddefinixxi valutazzjoni tal-impatt soċjali bħala l-proċess ta’
analiżi, monitoraġġ u mmaniġġar tal-konsegwenzi soċjali intenzjonati u mhux
intenzjonati, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta’ interventi ppjanati u
kull proċess ta’ bidla soċjali mibdi minn dawk l-interventi.
Dawn il-bidliet jistgħu jvarjaw minn diżastri
naturali sa tkabbir fil-popolazzjoni u minn interventi ta’ politika sa proġetti
waħdanin ta’ żvilupp. Meta jseħħu bidliet bħal dawn, il-valutazzjonijiet
tal-impatt soċjali jinvestigaw l-effetti fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies
f’termini ta’ kultura, politika, komunità, saħħa, kuntentizza,
aspirazzjonijiet, ħtiġijiet, jeddijiet u responsabbiltajiet, fost oħrajn.
Jipprovdu d-data għal tfassil ta’ politika li jkun imsejjes fuq l-evidenza.
Jistgħu jintużaw diversi metodi, kemm
kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, fil-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali.
Il-metodi kwantitattivi jirreferu għal data ġeneralizzabbli speċjalment
fl-għamla ta’ numri, filwaqt li dawk kwalitattivi jipproduċu data aktar
fil-fond dwar kwistjonijiet partikolari.
Fost il-metodi ta’ riċerka fil-valutazzjonijiet
tal-impatt soċjali għaldaqstant jista’ jkun hemm stħarriġ tal-popolazzjonijiet
ikkonċernati li jsirulhom mistoqsijiet dwar kif huma jipperċepixxu l-bidla
involuta. Metodi etnografiċi jistgħu jinvolvu ħarsa aktar fil-fond lejn
il-prattiki ta’ kuljum tan-nies, filwaqt li intervisti jistgħu jivverifikaw
il-pariri, it-tħassib u l-interpretazzjonijiet ta’ persuni li għandhom għarfien
espert jew esperjenza fil-qasam rispettiv li jkun qed jiġi analizzat.
Il-metodi jistgħu jinvolvu wkoll l-analiżi
tad-diskors fuq is-suġġett involut, pereżempju billi jitqies dak li jkun qiegħed
jingħad fl-isfera pubblika, sew mill-pubbliku, is-soċjetà ċivili, atturi
politiċi, il-mezzi tax-xandir u minn oħrajn .
Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali
għaldaqstant għandhom jinvolvu s-sehem ta’ partijiet interessati differenti,
idealment billi titħaddem taħlita ta’ metodi ta’ riċerka.
Aktar milli jkunu eżerċizzji ta’ darba,
il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ikunu kontinwi, u idealment
iwasslu għal politika li tkun aktar xierqa għall-kwistjoni involuta. B’hekk
jistgħu jitwettqu rakkomandazzjonijiet u miżuri li jtaffu effetti negattivi, u
dawn ikunu msejsa fuq evidenza soċjali xjentifika.
Huwa importanti wkoll li l-valutazzjonijiet
tal-impatt soċjali jiġu eżaminati minn persuni bl-istess livell ta’ għarfien
espert tal-esperti li jkunu wettquhom. Dan ifisser li jekk ikun qed isir studju
minn grupp ta’ esperti fix-xjenzi soċjali, dan l-istudju għandhom jagħmlu
skrutinju tiegħu esperti indipendenti oħrajn fix-xjenza soċjali. Dan jista’
jgħin biex jiġu identifikati dgħufijiet, kunflitti u titjib possibbli fl-istess
valutazzjoni tal-impatt soċjali.
Kif inhuma l-affarijiet, ma hemm ebda linji gwida
nazzjonali dwar il-ħtieġa ta’ valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’Malta.
It-twettiq ta’ studji bħal dawn fuq proġetti ta’ żvilupp jiddependi
mid-diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Meta jsiru, b’eċċezzjoni, ikunu studji ta’ darba
dwar proġetti kbar ta’ żvilupp. Dan effettivament ifisser li proġetti ta’ żvilupp
fuq skala iżgħar b’impatti kumulattivi akbar ma ssirilhomx valutazzjoni
tal-impatt soċjali.
Jekk inħarsu lejn interventi oħra ta’ politika,
il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali huma prattikament ineżistenti. Fost
eżempji oħra, nistgħu nsemmu l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema, il-bejgħ
tal-passaporti, id-dinamika tal-agrikoltura, l-għoli tal-ħajja,
l-urbanizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ art pubblika.
Tabilħaqq, hemm bosta oqsma fejn jistgħu jiġu
introdotti valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’Malta: il-konsultazzjoni
tal-gvern dwar leġiżlazzjoni ġdida, proposti għall-baġit nazzjonali,
l-adozzjoni ta’ direttivi tal-UE, il-kumitati parlamentari u l-kunsilli lokali
huma biss ftit minnhom. Pereżempju, il-kunsilli lokali jistgħu jwettqu
valutazzjonijiet tal-impatt soċjali biex jistabbilixxu profili
tal-komunitajiet, elementi kulturali komuni u differenzi kulturali, ħtiġijiet
soċjali, id-demografika, l-effetti tal-iżvilupp, u affarijiet oħra.
L-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet
edukattivi oħrajn bħalissa qed jipproduċu gradwati fi xjenzi soċjali differenti
li huma mgħammra biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u li huma
sensibbli għall-bżonn ta’ tfassil tal-politika msejjes fuq l-evidenza. Ejjew ma
naħlux riżorsi tant importanti. Ejjew nilħqu kunsens politiku biex nintegraw
il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali f’kull qasam.
Dan l-artiklu deher fil-Mument