Sunday, March 10, 2019

Għaliex Għawdex ma ngħaqadx ma’ gżejjer oħrajn tal-UE fit-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa? Michael Briguglio


Ftit jiem ilu, 26 gżira Ewropea nedew tranżizzjoni għall-enerġija nadifa bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-Unjoni Ewropea.

Il-gżejjer huma Hvar, il-Kroazja; New Caledonia, Franza; Pantellerija, l-Italja; A Illa de Arousa, Spanja; Brač, il-Kroazja; Kreta, il-Greċja; l-Azores, il-Portugall; Gotland, l-Iżvezja; Korčula, il-Kroazja; Samos, il-Greċja; Ibiza, Spanja; Öland, l-Iżvezja; Kökar, il-Finlandja; Cape Clear, l-Irlanda; Mallorca, Spanja; Orkney, ir-Renju Unit; Marie-Galante, Franza; Favignana, l-Italja; Menorca, Spanja u grupp ta’ gżejjer Skoċċiżi mhux konnessi mal-grid tal-enerġija, ir-Renju Unit.

Il-qarrejja Għawdxin u Maltin minnufih ser jintebħu li ż-żewġ gżejjer huma nieqsa mil-lista. Filwaqt li seta’ kien diffiċli li Malta tippreżenta strateġija għal tranżizzjoni fl-enerġija għall-gżira kollha, kif kienet l-enfasi tal-ewwel fażi, dan faċilment seta’ kien possibbli għal Għawdex. Inċidentalment, il-gvern Malti kien wieħed minn dawk li oriġinarjament iffirmaw id-dikjarazzjoni dwar il-Gżejjer ta’ Enerġija Nadifa fl-2017. Iżda, mbagħad, l-istess gvern ma applikax għal fondi għall-enerġija nadifa għal Għawdex.

Dan huwa ferm diżappuntanti. Għawdex qed jiġi mċaħħad minn triq sostenibbli li twassal għal aktar awtosuffiċjenza fl-enerġija, enerġija aktar nadifa u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ekoloġiċi. Kif nistgħu nieħdu lill-gvern Malti bis-serjetà dwar il-miri tiegħu b’rabta mat-tibdil fil-klima meta jeskludi lill-gżira tiegħu stess, Għawdex, mil-fondi tal-UE għat-triq lejn enerġija nadifa?

Nittama li d-deċiżjoni tal-gvern ma kinitx imsejsa fuq il-fatt li rabat lil Malta biex tiddependi minn gass bi prezz għoli mill-Ażerbajġan, li qed jiswa lil min iħallas it-taxxa miljuni ta’ euro żejda kull sena u li qiegħed iwassal għal kontijiet ogħla tad-dawl u tal-ilma.

Sadanittant, personalment staqsejt lis-segretarjat tal-inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE jekk għadx għandna ċans napplikaw għal proġetti ta’ finanzjament. Ġejt mgħarraf li aktar tard din is-sena tabilħaqq ser ikun hemm sejħa oħra għal applikazzjonijiet għal appoġġ għal proġetti speċifiċi ta’ enerġija rinnovabbli. Proġetti li jinvolvu varjetà ta’ partijiet interessati differenti (mis-soċjetà ċivili,  kunsilli lokali, negozji lokali sa istituti edukattivi lokali) ser ikunu jistgħu jirċievu pariri teknoloġiċi u/jew finanzjarji mmirati apposta għalihom. Proġetti kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex jistgħu jikkwalifikaw għal din l-inizjattiva. Nistenna bil-ħerqa li l-gvern Malti jiżgura li l-partijiet interessati kollha jkunu infurmati sewwa dwar l-opportunitajiet u li jitressqu għadd ta’ applikazzjonijiet biex titgawda din l-opportunità strateġika għat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa fil-gżejjer tagħna.

Hija l-pożizzjoni tiegħi bħala kandidat għall-Parlament Ewropew li l-investiment fir-riċerka dwar l-enerġija għandu jkun imqassam b’mod aktar bilanċjat madwar l-UE; li l-investiment fl-enerġija għandu jagħti prijorità lil forom ta’ enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni tal-enerġija; li l-għajnuna lill-industrija għandha tqis ir-realtajiet fil-gżejjer żgħar; u li l-mikroinvestiment fl-enerġija rinnovabbli għandu jkollu aktar opportunitajiet għal fondi tal-UE.

Nemmen f’Unjoni Ewropea fejn il-gżejjer żgħar ikollhom leħen qawwi. Ejjew niżguraw li kemm Għawdex kif ukoll Malta jgawdu l-benefiċċji ta’ strateġija bħal din.
Dan l-artiklu deher fil-Mument