Sunday, March 03, 2019

Is-sejħa tagħna – Michael Briguglio


Il-gvern qiegħed ifaħħar lilu nnifsu għal riżultat relattivament tajjeb fl-Ewrobarometru f’dak li għandu x’jaqsam mal-perċezzjonijiet tan-nies dwar il-kwalità ta’ ħajja tagħhom. Tassew, il-livell ta’ sodisfazzjoni bil-ħajja f’Malta huwa għoli. Mhuwiex ċar jekk dan huwiex minħabba jew minkejja l-gvern.

Imma ejjew ngħidu li l-gvern ta’ Joseph Muscat huwa kawża ewlenija tar-riżultati ta’ Malta fl-Ewrobarometru. F’dan il-każ infakkar lill-Prim Ministru tagħna li, kif qal hu stess dan l-aħħar, ma jistax ikollok il-laħam mingħajr l-għadma. Għalhekk, ejjew nagħtu ħarsa lejn xi wħud mill-punti ewlenin ta’ tħassib tal-Maltin li wieġbu dan l-istħarriġ.

Il-punti l-aktar importanti , skont l-Ewrobarometru , huma l-migrazzjoni, segwita mill-akkomodazzjoni, l-ambjent, kwistjonijiet ta’ klima u enerġija, il-kriminalità, iż-żieda fil-prezzijiet u l-inflazzjoni.

Jista’ jkun li l-gvern għandu jirrifletti dwar jekk il-mudell ekonomiku tiegħu, primarjament imsejjes fuq l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema, huwiex l-aħjar triq biex nimxu ‘l quddiem. Mhux biss għax dan jinkoraġġixxi t-tnaqqis fil-pagi, iżda wkoll minħabba impatti oħrajn.

Dawn jinkludu impatti fuq il-prezz tal-akkomodazzjoni li sploda ‘l fuq. L-iżgumbramenti qegħdin jiżdiedu, il-listi ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali qegħdin jitwalu, filwaqt li Malta tibqa’ tinbena, xi kultant minn ħaddiema li paradossalment jgħixu f’containers.

Illum, aktar ħaddiema żgħażagħ qegħdin jintebħu li l-ħolm tagħhom li jixtru jew jikru l-proprjetà tagħhom irid jitwarrab, għax sempliċiment ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet il-ġodda. X’differenza minn ftit snin ilu!

Dan il-mudell ekonomiku qed ikollu impatti fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, li dan l-aħħar il-Prim Ministru qalilhom li l-pensjonijiet tagħhom jiddependu mill-ħaddiema importati, u mhux mill-kontribuzzjonijiet li ħallsu tul is-snin. Tabilħaqq, ħafna pensjonanti qed isibuha wisq diffiċli li jkampaw mal-prezzijiet tal-mediċini, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-ikel, u s-servizzi u l-prodotti li jirfdu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Nistgħu ngħidu li l-inflazzjoni vera f’Malta nistgħu nanalizzawha f’termini tad-domanda dejjem tikber għall-provvista tal-prodotti u s-servizzi ta’ Malta, li qed twassal biex il-prezzijiet jogħlew.

Qiegħed ikollu wkoll impatti fuq l-ambjent. Il-kwalità tal-ajru tagħna hija waħda mill-agħar fl-Ewropa, primarjament minħabba ekonomija dipendenti fuq il-karozzi, u forom oħra ta’ tniġġis qegħdin jinfirxu mal-gżejjer. It-tentakli tal-firxa urbana qegħdin iċaħħdu lil uliedna mill-ħdura hekk kif l-ibliet u l-irħula tagħna jsiru dejjem aktar iffullati. Inċidentalment, xi tfal issa jridu jidraw f’containers minflok klassijiet. Surplus ta’ containers fl-aqwa żmien.

Dawn il-problemi jmorru lil hinn mill-politika partiġġjana. It-tniġġis huwa demokratiku – jolqot lil kulħadd. Kulħadd jirċievi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-bejjiegħa tal-proprjetà jagħtu l-istess prezzijiet lil kulħadd. Għalhekk, huwa kruċjali li nħabbtu wiċċna mal-isfidi tal-lum lil hinn minn politika tal-pika.

Fil-vjaġġ tiegħi fl-attiviżmu u l-politika, li sa issa ilu 25 sena, iltqajt ma’ ħafna nies, ħomor, blu, ħodor, oranġjo u ta’ ebda kulur, li għandhom rieda tajba u jixtiequ Malta aħjar. Din ir-rieda tajba wasslet għal kampanji li rnexxew, mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għall-estensjoni tad-drittijiet ċivili, kif ukoll xi ġlidiet ambjentali li ntrebħu kontra mewġa ta’ żvilupp eċċessiv.

U llum, is-sejħa tal-politika ta’ rieda tajba għadha sejħa biex nibqgħu nitkellmu għan-nies, għall-ambjent u għal kawżi ġusti. Għandna ngħidu l-affarijiet kif inhuma mingħajr biżà.

Għandna nistinkaw biex nagħmlu l-Unjoni Ewropea aktar rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum tagħna. Għandna naċċertaw li l-ilħna f’Malta jinstemgħu fl-UE u li l-aspetti pożittivi tas-sħubija tal-UE jgawdihom kulħadd.

Għandna nitkellmu għall-persuni minsijin, il-maġġoranza siekta li taqsam il-firdiet partiġġjani. Għandna nrawmu politika li tiġi mill-komunitajiet u li tkun imsejsa fuq ir-riċerka, politika li tisma’ t-tħassib tan-nies u tieħu azzjoni fuqu.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 3 ta' Marzu 2019