Nies ta’ veru
f’Malta ta’ veru: persuni bi stejjer tal-ħajja, esperjenzi, ħtiġijiet u opportunitajiet speċifiċi. Persuni li lkoll
jgħixu ħajja ta’ kuljum unika, u jaqsmu affarijiet komuni ma’ ħaddieħor kif
ukoll differenzi minn ħaddieħor. Xi wħud mhumiex għaddejjin mill-aqwa żmien.
Pereżempju,
ir-raġel marradi li għandu kważi ħamsin sena u li jgħix ma’ ommu marida li
għandha ‘l fuq minn sebgħin. Kellha tbigħ kollox biex tidfen lil żewġha u issa
hi u binha qed iħabbtu wiċċhom ma’ żgumbrament filwaqt li jistennew
akkomodazzjoni soċjali flimkien ma’ bosta oħrajn fuq il-lista ta’ stennija.
L-omm single li
tieħu ħsieb lit-tfal tagħha u lil ommha li tuża siġġu tar-roti. Jgħixu fi
proprjetà substandard iżda ma jistgħux ilaħħqu mal-prezz tal-kera u dalwaqt ser
ikollhom jitilqu minn hemm.
Il-ħaddiema
single li tgħix f’akkomodazzjoni soċjali li nbniet ftit snin ilu. Iżda l-ħitan
mimlijin moffa minħabba l-ilma li jgħaddi minnhom bil-mod il-mod.
Il-koppja anzjana
li jibżgħu mill-wasla tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-uniku passatemp
tar-raġel huwa li jiltaqa’ mal-ħbieb tiegħu anzjani fil-workshop tiegħu. Ser
ikollu jiċċaħħad minn dan biex ilaħħaq mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?
Ir-raġel li jgħix
viċin żvilupp illegali li ilu jaffaċċa avviżi ta’ infurzar mill-1997.
Sadanittant, qed jiġi mmanifatturat is-siment f’żona agrikola. Ħafna trab u
storbju. Fl-istess raħal, ikomplu jsiru illegalitajiet oħrajn għax
l-Awtoritajiet jagħtu skużi burokratiċi biex ma jagħmlu xejn.
Il-perit li
rrifjuta li jiċċertifika xogħol ħażin, ingħata trasferiment u kellu jitlaq
mis-settur pubbliku għax ma setax jissaporti l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Iż-żagħżugħ li
jgħix mal-ġenituri tiegħu għax ma jistax ilaħħaq mal-prezz tal-kera u ma
għandux il-mezzi biex jixtri proprjetà, minkejja li għandu dħul medju u qiegħed
jagħmel dottorat.
Il-mara anzjana
bi tliet slip discs li għandha bżonn urġenti ta’ carer. U l-ħafna persuni akbar
fl-età li jħossuhom waħedhom qalb il-pajsaġġ urban.
L-attivisti u l-akkademiċi
li l-proposti tagħhom ġew injorati jew intużaw biss bħala opportunità għal
ritratt.
Il-ħaddiem
tal-Wasteserv li jissimpatizza mal-Partit Laburista u jinsab ixxukkjat fuq
it-tmexxija ħażina u l-prattika fqira fil-Magħtab.
L-omm separata
ta’ tlett itfal li għandha ‘l fuq minn ħamsin sena li jirnexxielha taqla’ 1,200
euro fix-xahar iżda li l-kont tal-kera tagħha huwa 850 euro fix-xahar.
Il-mara
b’diżabilità li tingħata allowance ta’ 20 Euro 38 ċenteżmu biss fil-ġimgħa. 38
ċenteżmu aktar milli kienet tingħata sena ilu.
Il-ħaddiem
fiċ-ċivil li ma jistax isemma’ leħnu għax jibża’ mir-riperkussjonijiet.
Din hi parti
żgħira min-nies li ltqajt magħhom dan l-aħħar. Permezz tal-politika,
is-soċjoloġija u l-attiviżmu stajt niltaqa’ ma’ bosta nies fl-aħħar ħamsa u
għoxrin sena. Kultant tkun tista’ tagħmel xi ħaġa dwar il-problema tagħhom u
tgħinhom, filwaqt li drabi oħra tħossok bla setgħa u tkun tista’ biss
tempatizza.
Dawn in-nies
jistħoqqilhom id-dinjità. Jistħoqqilhom li jinstemgħu. Il-mara u r-raġel
minsijin jistħoqqilhom empatija u azzjoni, u mhux priedki minn fuq pedestall.
Il-politika fi
ħdan il-komunità tfisser li l-politiċi jiltaqgħu b’mod attiv man-nies biex attivament
isiru jifhmu l-firxa wiesgħa ta’ realtajiet li għandna fostna llum il-ġurnata.
Għax mingħajr għarfien veru tas-soċjetà tagħna, huwa diffiċli li titfassal
politika b’dimensjoni soċjali.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 17 ta' Marzu 2019