Sunday, March 31, 2019

Tnaqqis inkwetanti fil-pagi - Michael Briguglio


L-istatistika uffiċjali turi li Malta kienet l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li kellu tnaqqis fil-pagi fl-2018. Tabilħaqq, it-tnaqqis ta' Malta kien ta' -0.5 fil-mija, meta r-rata ta' tkabbir annwali fuq il-livell tal-Unjoni kienet kważi tlieta fil-mija. Ir-Rumanija, il-Latvja, il-Portugall u l-Litwanja rreġistraw rati ta' tkabbir ta' 'l fuq minn għaxra fil-mija fl-ispejjeż tax-xogħol fis-siegħa.



It-tnaqqis tal-ispiża tax-xogħol fis-siegħa f'Malta seħħ fis-settur privat, fil-kostruzzjoni u fis-servizzi rispettivament. U filwaqt li kien hemm żidiet żgħar fis-settur pubbliku u l-industrija, ir-rata ta' inflazzjoni ta' Malta qiegħda xxejjen dawn iż-żidiet. Tabilħaqq iċ-ċifri uffiċjali għal Frar 2019 juru l-ogħla żidiet minn Jannar 2017 'il hawn. L-inflazzjoni fi Frar kienet ta' 1.92 fil-mija, li joħloq diffikultajiet akbar għall-familji, il-ħaddiema, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ fejn tidħol in-nefqa bażika fuq oġġetti bħall-ikel, il-prodotti mediċinali, is-servizzi tas-saħħa, it-trasport, il-manutenzjoni tad-dar u l-kera.



Ftit xhur ilu, il-President Marie Louise Coleiro Preca saħqet dwar it-tbatija ta' dawn in-nies meta rreferiet għal studju mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għajxien b'Dinjità u ċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familja, li t-tnejn li huma huma entitajiet ta' riċerka fi ħdan il-Fondazzjoni tagħha għall-Ġid tas-Soċjetà.



L-istudju juri li familji ta' erba' persuni f'Malta jkollhom jonfqu aktar minn €500 kull xahar biex jixtru ikel tajjeb għas-saħħa. Din hi nefqa kbira wisq għal bosta familji, speċjalment meta nqisu nfiq ieħor bħal dak imsemmi hawn fuq u meta nqabbluh mal-pagi f'Malta. Il-matematika ma tigdibx.



Malta bħalissa għaddejja minn sfidi soċjali li kienu saru xi ħaġa tal-imgħoddi: pereżempju persuni ta' bejn 25 u 35 sena li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom mhux għax jixtiequ iżda għax il-prezz tal-akkomodazzjoni huwa sempliċiment għoli żżejjed. L-importazzjoni ta' ħaddiema għal xogħol bl-irħis qiegħda twassal ukoll għal tellieqa sal-qiegħ bejn il-ħaddiema akkost tal-kwalità ta' ħajja tagħhom.



Qed isir dejjem aktar ċar li t-tkabbir ekonomiku rapidu ta' Malta qed iseħħ akkost tal-ġustizzja soċjali u l-ambjent. Huwa veru li hemm min qed igawdi f'dan il-mudell, iżda huwa veru wkoll li ħafna qed ibatu: il-ħaddiema fqar u dawk li l-qagħda tagħhom sejra għall-agħar, li qed jobdu r-regoli iżda jitilfu l-logħba.



Wasal iż-żmien li l-Gvern jikkunsidra bis-serjetà l-proposti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, tal-ekonomisti u tas-soċjologi għal reviżjoni realistika u sostenibbli tal-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) ta' Malta. Il-mod kif jitkejjel bħalissa jidher li ma jikkorrispondix għar-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema u l-pensjonanti, u jwassal għal kumpens negliġibbli għall-prezzijiet ogħla tal-oġġetti u s-servizzi. Il-Gvern għandu wkoll jikkunsidra serjament il-ħolqien ta' skemi ta' ħlas lura jew skontijiet għall-anzjani u dawk bi dħul baxx għal oġġetti u servizzi bażiċi bħall-kontijiet tad-dawl u l-ilma.



Bħala kandidat għall-Parlament Ewropew qiegħed nipproponi wkoll li l-baġit tal-UE jkun aktar flessibbli għall-ħtiġijiet ta' gżejjer żgħar, li, pereżempju, huma aktar vulnerabbli għal pressjoni inflazzjonarja minħabba l-kontenut ta' importazzjonijiet għoli.



Ir-riformi ekonomiċi promossi mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu ssorveljati fuq il-livell tal-istati membri, fejn is-soċjetà ċivili għandu jkollha rwol attiv għal riformi sostenibbli u soċjalment ġusti.



Malta teħtieġ viżjoni ekonomika li ma tqisx biss ir-rati ta' tkabbir tal-prodott gross domestiku iżda li tqis ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-persuni. Id-dimensjoni soċjali u dik ambjentali ma għandhomx jiġu ssagrifikati għall-benefiċċju ta' viżjoni ekonomika li mhijiex ugwali u mhijiex sostenibbli.


Dan l-artiklu deher fil-Mument 31 ta' Marzu 2019