Dak in-nhar, kien hemm suldat żagħżugħ, armat, flimkien ma suldati oħra f'stazzjon tal-ferrovija ġewwa Brussell. Sellimtlu. Ħassejt gratitudni għall-ħidma tiegħu. Forsi għax ftit qabel rajt il-film 1917.
Suldat. Jirriskja ħajtu għalina, għal dak li bnew ġenerazzjonijiet biex ingawdu l-libertajiet li għandna llum.
Lura għal pajjiżna. Fl-isfera medjatika naqraw dwar in-nuqas ta' azzjoni ta' l-eks NonKummissarju tal-Pulizija, li fl-aħħar tneħħa, u dwar biżibilju ta' kontroversji oħrajn.
Kien hemm ukoll il-kas tal-biki dwar l-allegati qattiela ta' Lasanna. Nistennew ġustizzja.
Iżda ejjew niftakru ukoll li hemm mijiet ta' ħaddiema fil-forzi armati, pulizija, protezzjoni ċivili u oħrajn li fis-silenzju, mingħajr surplus ta' slogans u mingħajr salarju għoli, qegħdin fir-ringiela ta' quddiem, jirriskjaw ħajjithom għal ħaddieħor.
Il-paradoss tal-forzi ta' l-ordni: Parti mill-apparat ripressiv ta' l-istat, iżda b' ħaddiema li jiddefendu s-sigurtà u jpoġġu ħajjithom fin-nofs.