Fl-istess diskors fejn il-Prim
Ministru Robert Abela qal li tista’ tiġi kkunsidrata amnestija
għall-multi li weħlu n-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-istess Prim Ministru ipprova jżeblaħ lill-awtoritajiet,
xjentisti, esperti u ħaddiema mediċi madwar id-dinja li qed iwissu dwar il-possibilita’
tat-tiena mewġa tal-Coronavirus.
Abela qal li l-istatistika turi b’mod ċar ħafna li l-COVID-19 hija
warajna u issa beda perjodu kruċjali li permezz tiegħu ħa nirritornaw għal
normalità sħiħa. Spjega li kull min qal li bir-rilaxx tal-miżuri se jkun hawn
it-tieni mewġa, ingħata prova bil-fatti kemm kien żbaljat, u hekk se jerġa’
jiġri fil-ġimgħat li ġejjin.
Jekk il-Prim Ministru
huwa daqshekk ċert li pajjiżna mhux ser ikollu tieni mewġa tal-Coronavirus,
imissu jippublika l-evidenza (li ma tinkludix biss statistika li sservi
l-argumenti tiegħu), il-pariri, ir-riċerka u l-minuti tal-laqgħat li wassluh għal
din il-konklużjoni.
Sur Prim Ministru, argument ma jsirx b’saħħtu billi jiżżeffnu kliem dwar amnestiji u baġit multi-miljunarju f’nofsu. Iżda forsi iktar konsultazzjoni, trasparenza u umilta' min-naħa tiegħek jgħinu biex ikollna serħan tal-moħħ.