Monday, December 30, 2024

#Ħsibijiet (114) ADPD, Progressivi, Cassola

Issa hemm 3 partiti żgħar li b'xi mod jew ieħor jiġu minn xulxin politikament: l-ADPD, il-Progressivi, u l-Partit ta' Cassola. Skont it-Times of Malta dan ta' l-aħħar ser ikun jismu Momentum (l-istess isem tal-fazzjoni xellugija li appoġġat lil Corbyn fil-Partit Laburista Ingliż meta kien fl-Oppożizzjoni xi snin ilu). 

Meta kont chairperson ta' l-AD bejn l-2009 u l-2013, kemm Arnold Cassola u anke Silvan Agius tal-Progressivi kienu parti mit-tmexxija tal-partit flimkien ma oħrajn li għadhom hemm bħal Carmel Cacopardo, Ralph Cassar, u Mario Mallia. Cassar u Mallia ilhom attivi l-Alternattiva mill-bidu nett, jiġifieri mill-1989, u Cassar reġa ġie elett fil-Kunsill ta' Ħ'Attard din is-sena. 


M'għandix dubju li hemm raġunijiet strateġiċi, ideologiċi u personali għal dan il-pluraliżmu ta' partiti żgħar. 


Filwaqt li nawgura lil dawk kollha li huma attivi f'dawn it-tliet proġetti, naħseb li hemm xi mistoqsijiet li jeħtieġu diskussjoni:


1. Jekk dawn il-politiċi s'issa mhux jaħdmu flimkien minn barra l-parlament, dan kif jawgura tajjeb għal stabilita' politika jekk xi ħadd minnhom jiġi elett? 


2. Jekk Arnold Cassola kien telaq mill-ADPD minħabba l-abort, lest jagħmel kompromessi bħal meta kien Segretarju Ġenerali tal-Greens Ewropej u membru parlamentari mal-lista tal-Greens, Ċentru Xellugin, Xellugin u Komunisti fl-Italja? Fiż-żewġ każijiet il-pożizzjoni Pro Choice dwar l-abort kienu ċentrali għall-Greens, avolja Cassola ma qabilx. Iżda ma kienx telaq. 


3. Il-preżenza ta' dawn il-partiti żgħar kif ser taffettwa l-voti rispettivi tal-PL u PN f'elezzjoni ġenerali? Jista' jkun li d-differenza fir-riżultat bejn partit u ieħor tiġi influwenzata mill-voti tal-partiti ż-żgħar, anke jekk ma jiksbux rappreżentanza parlamentari?


4. L-ADPD tifforma parti mill-Greens Ewropej. Ma min ser ikunu alleati l-Progressivi u l-Partit ta' Cassola?